Mit-30 ta’ Awwissu sal-1 ta’ Settembru, wieħed kellu ċ-ċans jattendi t-tieni edizzjoni tal-Cospicua Short Play Festival, avveniment teatrali stabbilit is-sena li għaddiet mill-Kunsill Lokali tal-Bormla. Fost dawk li pparteċipaw, il-kumpanija Tijatron irnexxielha tikseb sitt premji kif ukoll erba’ nominazzjonijiet oħrajn waqt is-serata ta’ premjazzjoni li saret ilbieraħ.
Il-produzzjoni ‘Monumentun’ kienet dik li rebħet il-premju Charles Clews, filwaqt li ‘Elektra’ involva r-rebbieħa tal-aħjar direzzjoni (André Mangion), l-aħjar kitba (Clint Chircop) u l-aħjar attriċi (Marceline Galea). Shelby Aquilina kisbet it-tielet post għall-aħjar attriċi bħala parti minn ‘Limbu’, u Jeremy Grech kiseb it-tieni post għall-aħjar attur bħala parti minn ‘Monumentun’.
2 produzzjonijiet oħrajn ta’ Tijatron ukoll ġew nominati għall-aħjar kitba, ‘Fil-Ħajja Li Jmiss’ u ‘Limbu’ ta’ Marlon Chircop. Jurgen Ciantar kiseb nominazzjoni għall-aħjar direzzjoni għal ‘Limbu’, u ‘Elektra’ ġiet innominata għall-aħjar produzzjoni.
Il-Cospicua Short Play Festival hija attività li qed tagħmel parti mill-Proġett Francis Ebejer, programm li nedew Teatru Malta biex jippromwovi t-talenti ta’ kittieba emerġenti.
Nifirħulkom mill-qalb għal dawn il-kisbiet!
Elisa von Brockdorff