Tħalli Lil Bintha Ta’ Ħames Xhur Biex Tfittex Ħajja Aħjar … Realtà Kiefra Ta’ Bosta Immigranti

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu, Dr Nicholas Briffa tkellem dwar realta li verament hemm bżonn min jirrifletti fuqha. Ta’ sikwit taqra kummenti u anke artikli dwar l-immigranti li jkunu ħallew pajjiżhom għal ħajja aħjar, fejn bosta jpoġġuhom f’dell ikrah. Tajjeb li wieħed jiftakar li biex dawn ikunu ħadu dan il-pass, raġuni valida tkun teżisti u lkoll għandhom kuraġġ kbir li wettqu dan il-pass.

Beda billi qal, “Ftit ġimgħat ilu ltqajt ma’ ħaddiema barranija hawn Malta mill-Lvant imbiegħed. Mara. Omm. Bid-dmugħ f’għajnejha, irrakkontatli fuq fuq l-istorja tagħha. Bħal eluf oħra bħalha telqet pajjiżha. Telqet erba’ snin ilu, bit-tama għal futur aħjar. Futur aħjar mhux għaliha, imma għal bintha. It-tarbija tagħha kellha biss ħames xhur meta telqet. Anke taħseb biss fuqha tkexkxek u iġġiegħlek tidħol f’qoxortok. Minn dakinhar għadha ma setgħetx tmur pajjiżha u ta’ kuljum tkellimha permezz ta’ telefonata bil-vidjo. L-ewwel daħka, l-ewwel tkaxkira, l-ewwel ħoss, l-ewwel kelma, l-ewwel jum tal-iskola … Tista’ timmaġina?”

Żied jgħid, “Tredda lit-tarbija … u fl-istess waqt tħejji l-bagalja. Tbusha fuq il-quddiem ċkejken ta’ moħħha … u titlaq. Tħalli d-dar mingħajr ma taf meta se terġa’ tħaddanha. U għamlet dan il-pass għax kienet tħobbha. Għall-għixien tagħhom. Għall-futur aħjar. L-ewwel marret taħdem ġo pajjiż fejn ġiet abbużata finanzjarjament u anke b’modi oħra. Meta ġiet Malta ġrawlha affarijiet simili wkoll. Għall-grazzja t’Alla issa sabet negozju fejn tħossha rispettata.”

Qal ukoll, “Illum, bintha għandha l-istess età ta’ wieħed minn uliedi. U dak il-ħsieb ma jistax jitlaqni! Dawk il-ħafna nies li niltaqgħu magħhom kuljum … fil-ħwienet, fuq il-karozza tal-linja, fl-isptar, fuq il-post tax-xogħol … għandhom stejjer li ma jinstemgħux … li ma jingħaddux. Stejjer ta’ tbatija, ta’ sagrifiċċju … u ta’ qalb kbira u kuraġġ tal-azzar.”

Temm billi qal, “Faċli nitkellmu b’mod negattiv u b’disprezz dwar l-immigranti u l-barranin … imma fil-verità nkunu ħadna l-intrigu biex nisimgħu l-istejjer tagħhom? Ejjew ma ninsewx: Inkunu umani. Inkunu umli. Inkunu ġentili. Jista’ jkun hemm dinja ta’ weġġgħat wara dik it-tbissima.”







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI