Jorja Haliday, tifla Ingliża ta’ 15-il sena, kienet ser tieħu l-vaċċin kontra l-Covid-19, iżda sfortunatament il-marda laħqet ħakmitha. Jorja, minn Portsmouth, mietet fl-isptar Queen Alexandra nhar it-Tlieta, wara li ttestjat pożittiv għall-virus erbat ijiem qabel.
It-tifla, li ma kienet tbati minn ebda kundizzjoni medika ulterjuri, żviluppat sintomi tar-riħ u marret tagħmel il-PCR test tal-Covid-19 minnufih. Irriżultat pożittiv u għaldaqstant kellha tiżola ruħha. Jorja kienet qed tbati biex tiekol nhar il-Ħadd li għadda u sa nhar it-Tnejn ma setgħet tiekol xejn minħabba li bdiet tweġġa’ griżmejha.
Minkejja li t-tabib taha l-antibiotics u l-mediċina neċessarja, kompliet taqleb għall-agħar. Aktar tard kellha tittieħed l-isptar wara li qalbha bdiet tħabbat id-doppju ta’ kemm suppost. Ommha rrakkuntat lis-sit The Guardian li,”Jien kont magħha l-ħin kollu. Huma ppruvaw ipoġġuha fuq ventilatur biex tagħti ċans lil ġisimha jirkupra. Ir-rata ta’ qalbha ma stabbilizzatx… Huma ħadmu kemm felħu medikament, imma ma rnexxilhomx isalvawha.”
Jidher li Jorja spiċċat vittma minħabba l-Covid myocarditis, fejn qalbha mardet u tilfet il-battalja. Strieħ fis-sliem Jorja. U kondoljanzi lill-familjari kollha tagħha.