Il-Pulizija qiegħda tinvestiga l-mewt traġika ta’ tarbija ta’ 11-il xahar li seħħet ilbieraħ filgħaxija f’San Ġiljan. Skont informazzjoni preliminari, il-każ seħħ għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħaxija f’residenza fi Triq Andre Maurois, f’San Ġiljan.
Fuq il-post issejħu minnufih uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll tim mediku sabiex jassistu, iżda sfortunatament it-tarbija ġiet iċċertifikata mejta ftit tal-ħin wara. Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha sabiex tistabbilixxi ċ-ċirkostanzi kollha marbuta ma’ dan il-każ.
Bil-każ ġie infurmat ukoll il-Maġistrat tal-Għassa Dr Franco Agius LL.D, li ħatar inkjesta maġisterjali sabiex issir investigazzjoni indipendenti u jiġu determinati l-fatti kollha relatati ma’ din il-mewt.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.