Tislima Lil Fr Ray Bonnici Hekk Kif Itemm 34 Sena Ta’ Servizz Mal-Korp Tal-Pulizija

Il-Kappillan tal-Korp tal-Pulizija, Fr Raymond Bonnici, illum temm il-ħidma tiegħu mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta hekk kif għalaq 65 sena. Huwa jagħlaq kapitlu importanti wara 34 sena ta’ servizz u dedikazzjoni. Bħalma għamel Ħadd wara Ħadd tul is-snin, Fr Ray ikkonċelebra l-quddiesa fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Madankollu, dik tal-lum kienet waħda partikolarment emozzjonanti hekk kif kienet l-aħħar quddiesa tiegħu bħala Kappillan tal-Korp.

Għal din l-okkażjoni attendew diversi uffiċjali tal-Korp, f’turija tar-rispett u l-apprezzament li Fr Ray kiseb matul is-snin ta’ ħidma tiegħu. Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà sellem lil Fr Ray u rringrazzjah għall-appoġġ li dejjem offra lill-membri tal-Korp. "Għal ħafna minna, il-preżenza u l-appoġġ spiritwali mogħtija minn Fr Raymond Bonnici ma kinux sempliċement servizz, iżda fuq kollox tama, gwida u serħan il-moħħ fi żminijiet ta’ sfida," qal il-Kummissarju.

Huwa kompla jgħid li b’dedikazzjoni, professjonalità, empatija u mħabba ġenwina lejn il-bniedem, Fr Ray kien ta’ sostenn għal bosta uffiċjali li minħabba n-natura diffiċli tax-xogħol tagħhom ikollhom iġorru piżijiet kemm professjonali kif ukoll personali. Il-vjaġġ ta’ Fr Ray mal-Korp beda fl-1992, meta nħatar Kappillan tal-iSpecial Assignment Group (SAG). Aktar tard serva bħala Kappillan tal-Akkademja tal-Pulizija, sakemm fl-2006 assuma r-rwol ta’ Kappillan Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija.

B’hekk tintemm ħidma ta’ aktar minn tliet deċennji li matulhom Fr Ray kien preżenza kostanti fil-ħajja ta’ ħafna membri tal-Korp. Nawguraw lil Fr Ray Bonnici kull ġid għal dan il-kapitlu ġdid f’ħajtu u nirringrazzjawh tas-servizz tiegħu tul dawn l-aħħar 34 sena.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI