Tiftakar Meta Ħobża Kienet Tiswa Biss Żewġ Ċenteżmi? 

F’ritratt li nxtered fuq il-paġna ‘Malta lura fil-passat’ dehret tabella tal-prezzijiet li tqabbel il-valur ta’ diversi prodotti essenzjali bejn Ġunju tal-1971 u Novembru tal-1981.

Fost il-lista tal-prodotti jidhru dawn: ħobż għal 2 ċenteżmi, pakkett marġerina għal 4 ċenteżmi u 6 mills, u flixkun ħalib għal 3 ċenteżmi u 3 mills. It-tabella turi kif, anke f’perjodu ta’ għaxar snin biss, il-prezzijiet ta’ diversi oġġetti tal-ħajja ta’ kuljum żdiedu b’mod sostanzjali. Pereżempju, il-ħobża li fl-1971 kienet tiswa 2 ċenteżmi kienet telgħet għal 10 ċenteżmi u nofs sal-1981.

Żidiet simili jidhru wkoll fuq prodotti oħra. Kilo zokkor tela’ minn 7.3 ċenteżmi għal 20 ċenteżmu, filwaqt li flixkun żejt żdied minn 12-il ċenteżmu għal aktar minn 30 ċenteżmu. Il-kilo ċanga friska wkoll irreġistra żieda qawwija, minn 81.5 ċenteżmi għal 300 ċenteżmu.

Anke prodotti oħra li huma komuni f’kull dar Maltija, bħal toilet paper, kafè, gallettini u ġobon, kollha raw żidiet notevoli fil-prezz tagħhom matul dak iż-żmien. Għalkemm illum dawn il-prezzijiet jidhru kważi inkredibbli, ħafna jfakkru li l-pagi ta’ dak iż-żmien kienu ferm aktar baxxi minn dawk tal-lum. 

Minkejja dan, it-tabella tibqa’ tifkira interessanti ta’ kif kienet il-ħajja f’Malta aktar minn erbgħin sena ilu u bla dubju tqajjem nostalġija fost dawk li jiftakru jagħmlu x-xirja tal-familja b’dawn il-prezzijiet!







Ritratti:

Fb/ Sean Mizzi fil-paġna: Malta Lura Fil-Passat

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI