Grupp ta’ studenti mill-Università ta’ St Martin’s, taħt l-isem tat-tim MediMynd, kisbu suċċess kbir fuq livell Ewropew meta spiċċaw fit-tielet post minn 40 pajjiż fil-kompetizzjoni prestiġjuża JA Europe Company of the Year, li saret f’Ateni.
Wara li rebħu l-edizzjoni Maltija ta’ Junior Achievement (JA), it-tim vjaġġa lejn il-Greċja fejn ippreżentaw l-idea innovattiva tagħhom: dispenser intelliġenti u awtomatizzat tal-pilloli, immirat biex jgħin lill-anzjani jieħdu l-mediċini tagħhom b’mod aktar sigur u indipendenti. Dan l-apparat jinkludi sistema li jfakkrek bil-vuċi, kif ukoll konnettività f’ħin reali mal-caregivers, sabiex titnaqqas il-konfużjoni, jonqsu d-dożi, u jiġu evitati żjajjar mhux meħtieġa l-isptar.
It-tim li jattendi St Martin’s University magħmul minn Elenya Spiteri, Xandru Calleja, Jacob Malia Azzopardi, Jacques Vincenti Bonnici Kind, u Michael Borg wera x’inhu possibbli meta l-innovazzjoni tingħaqad mal-passjoni għall-bidla fil-qasam tas-saħħa. Qabel telqu lejn Ateni, il-membri ta’ MediMynd kellhom il-privileġġ li jiltaqgħu kemm mal-Prim Ministru kif ukoll mal-President tar-Repubblika, sinjal ċar tar-rikonoxximent nazzjonali għall-ħidma tagħhom.
Rebħ bħal dan mhux biss jirrifletti l-kreattività u l-ħiliet tat-tim, iżda wkoll it-tama f’ġenerazzjoni ġdida li qed toħloq soluzzjonijiet konkreti għal sfidi reali. MediMynd hija prova ċara li Malta għandha x’toffri fid-dinja tat-teknoloġija medika, u dan huwa biss il-bidu. It-tim qed jippjana li jkompli jkabbar il-proġett tagħhom u jespandi fl-Ewropa, sabiex MediMynd tasal għand aktar familji li jeħtieġuha. “Qed nagħmlu l-ġestjoni tal-mediċini aktar intelliġenti, sempliċi u affidabbli – pillola waħda kull darba,” qal it-tim.
Ninsabu kburin bihom – u żgur li għad nisimgħu ħafna aktar dwarhom fil-futur qarib. Prosit tassew!