“Tlifniek Qabel Ma Għajnejk Infetħu Għal Din Id-Dinja” – Bertram Portelli Jfakkar Lil Ibnu Francesco

Il-kittieb Malti Bertram Portelli qasam messaġġ mill-qalb fuq il-midja soċjali biex ifakkar lil ibnu Francesco, li tilef qabel ma kellu ċ-ċans jiġi fid-dinja. Illum, sentejn wara dik l-aħbar ta’ qsim il-qalb, Bertram għażel li jaqsam il-weġgħa tiegħu u l-imħabba li hu u martu għadhom iġorru għal binhom.

“Illum għaddew sentejn mil-lejla kerha li fiha ħadna l-aħbar li konniex se nrabbuk u ngawduk għażiż Francesco. Tlifniek qabel ma għajnejk infetħu għal din id-dinja,” kiteb Bertram. Huwa kompla jesprimi kemm it-telfa kienet diffiċli għalihom bħala ġenituri, minkejja li qatt ma kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ binhom.

“Ħabbejniek avolja ma konniex rajniek u għalhekk kienet bil-wisq kerha l-aħbar li ma konniex se narawk tieħu l-ewwel nifsijiet, tibki l-ewwel bikja u tikber.” Fil-messaġġ tiegħu, Bertram semma wkoll lil ibnu Gabrijel, filwaqt li wiegħed lil Francesco li l-istorja tiegħu mhux se tintesa u li, meta jikber, ħuh se jkun jaf bih ukoll.

“Ħu ħsiebna u ħu ħsieb ukoll lil ħuk Gabrijel. La jikber se ngħiduhielu wkoll l-istorja tiegħek. Jiena u ommok nibqgħu nħobbuk ħafna!” Bertram temm il-messaġġ tiegħu bi kliem ta’ kuraġġ għal dawk kollha li għaddew jew għaddejjin minn esperjenza simili.

“Kuraġġ lil kull min għadda jew għaddej minn sitwazzjoni simili!” Kliem li jfakkarna li l-imħabba ta’ ġenitur lejn uliedu tibda ferm qabel it-twelid u li, anke meta ħajja tintemm qabel ma tkun bdiet, il-post tagħha fil-qalb tal-familja jibqa’ għal dejjem.

Nawguraw ħafna kuraġġ lil Bertram u lill-familja tiegħu, kif ukoll lil dawk il-ġenituri kollha li ġarrbu telfa simili.

Ritratt:

Facebook / Bertram Portelli

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI