Tħabbret il-mewt tal-attriċi Skoċċiża Phyllida Law, omm l-attriċi magħrufa Emma Thompson. Law mietet fl-età ta’ 94 sena wara karriera twila li mifruxa fuq madwar tmien deċennji fit-teatru, it-televiżjoni u ċ-ċinema.
Il-manager tagħha Jacky Leggo kkonfermat l-aħbar u qalet li Law mietet b’mod mill-aktar paċifiku fid-dar tagħha, imdawra mill-familja kollha tagħha. Law twieldet fi Glasgow fl-1932 u studjat fil-Bristol Old Vic Theatre School. Għall-ewwel kienet biħsiebha tidħol fid-disinn għat-teatru, iżda eventwalment sabet postha fuq il-palk. Matul is-snin ħadmet f’għadd kbir ta’ produzzjonijiet teatrali, films u sensiliet televiżivi.
Fost il-films li tibqa’ magħrufa għalihom insibu Peter’s Friends, Much Ado About Nothing, Emma u The Winter Guest. F’diversi okkażjonijiet kellha wkoll iċ-ċans taħdem ma’ wliedha, l-attriċi Emma Thompson u Sophie Thompson.
Matul il-karriera tagħha dehret ukoll fi produzzjonijiet bħal The Time Machine, Miss Potter, Albert Nobbs u A Little Chaos, filwaqt li fuq it-televiżjoni ħadmet f’sensiliet fosthom Foyle’s War, Doc Martin u Rosemary & Thyme. L-aħħar dehra tagħha fuq l-iskrin kienet fil-film Then Came You fl-2020.
Fl-2014, Phyllida Law ingħatat l-OBE għas-servizz tagħha lid-drama u għall-ħidma tagħha f’kawżi ta’ karità. Law kienet miżżewġa lill-attur Eric Thompson mill-1957 sal-mewt tiegħu fl-1982. Hi tibqa’ mfakkra mhux biss għall-kontribut tagħha fid-dinja tar-reċtar, iżda wkoll bħala parti minn familja li ħalliet marka importanti fix-xena artistika Brittanika. Strieħ fis-sliem.
Facebook / WhatsOnStage