Il-paġna Maltese Islands Weather ħarġet twissija dwar mewġa ta' sħana qawwija u persistenti li mistennija tolqot il-Gżejjer Maltin bejn l-14 u d-19 ta' Lulju.
Skont it-tbassir, it-temperaturi massimi se jitilgħu gradwalment minn 35°C għal madwar 39°C sal-Ħadd, filwaqt li t-temperaturi minimi matul il-lejl se jiżdiedu minn 24°C għal 27°C. Ġie spjegat ukoll li s-sema se jkun imdaħħan u l-UV Index se jibqa' estremament għoli (10) kuljum.
L-istess paġna appellat lill-pubbliku biex jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa, fosthom li jixrob ħafna ilma, jevita x-xemx diretta u attivitajiet fiżiċi intensi fl-aktar sigħat sħan tal-ġurnata, kif ukoll jilbes ħwejjeġ ħfief u juża protezzjoni mix-xemx.
Ġie mwissi wkoll biex tingħata attenzjoni partikolari lit-trabi, tfal żgħar, anzjani u persuni vulnerabbli, u dak li jkun għandu jieħu ħsieb l-annimali.
Għandhom jiġu evitati attivitajiet li jistgħu jqabbdu n-nar.