“Unur Li Se Ngħożż Għal Dejjem” – Josuel Grech Mimli Gratitudni Wara Ġimgħa Indimentikabbli

Wara li ġie nkurunat bħala l-2026 Ultimate Elvis Tribute Artist Champion waqt il-festival Cooly Rocks On fl-Awstralja, Josuel Grech qasam messaġġ mimli gratitudni u emozzjoni li fih irrifletta fuq il-vjaġġ tiegħu matul il-ġimgħa li għaddiet.

Fost l-oħrajn, Grech iddeskriva r-rebħa bħala “unur kbir” u qal li se jgħożż dan it-titlu għal dejjem. Madankollu, enfasizza li l-esperjenza kienet tmur ferm lil hinn mill-kompetizzjoni nnifisha. Huwa faħħar l-atmosfera tal-festival, il-mużika, il-karozzi klassiċi u d-divertiment li għamlu l-avveniment wieħed memorabbli għall-eluf ta’ persuni li attendew.

Fil-messaġġ tiegħu, Grech ma naqasx milli jirringrazzja lill-kontestanti l-oħra kollha li ħadu sehem, filwaqt li feraħ lil Anthony Fenech u lil Toki Toyokazu għall-pożizzjonijiet li kisbu. Huwa qal li kien privileġġ jaqsam il-palk ma’ artisti tant talentużi.



Ir-ringrazzjamenti tiegħu kienu estiżi wkoll għat-TIC Band, għall-partitarji Awstraljani li appoġġjawh, kif ukoll għall-organizzaturi tal-festival li, skontu, offrew ospitalità eċċezzjonali mill-ewwel mument sal-aħħar. Issa, iżda, l-attenzjoni tiegħu hija ffukata fuq l-isfida li jmiss. Grech ħabbar li f’Awwissu se jkun qed jirrappreżenta lil Cooly Rocks On waqt il-Ultimate Elvis Tribute Artist Contest f’Memphis, avveniment prestiġjuż li jsir matul Elvis Week.



“Se nagħti dak kollu li għandi u nirrappreżenta lil dan il-festival inkredibbli bil-kburija,” kiteb Grech, hekk kif temm il-messaġġ tiegħu billi rringrazzja lil Coolangatta għall-memorji sbieħ li ħoloq matul l-ewwel żjara tiegħu hemmhekk.

Messaġġ li mhux biss jiċċelebra rebħa importanti, iżda li juri wkoll l-apprezzament u l-umiltà ta’ artist li qed ikompli jagħmel isem għal Malta fuq il-palk internazzjonali.



Ritratti:

Facebook / Josuel Grech

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI