Vandaliżmu Fil-Ġgantija: Ċittadin Ungeriż Jikkawża Ħsara Irreparabbli Fuq It-Tempju Megalitiku

Heritage Malta tikkundanna bl-aktar mod ċar u bla riservi l-att vandalu li seħħ fil-Park Arkeoloġiku tal-Ġgantija, fejn ċittadin Ungeriż ikkaġuna ħsara irreparabbli meta naqqax, fuq megalit fl-istruttura tat-Tramuntana ta’ dan il-monument Neolitiku ddikjarat mill-UNESCO bħala Sit ta’ Patrimonju Dinji, dawk li jidher li huma żewġ numri.



Għalkemm viżitaturi oħra avżaw lir-raġel biex jieqaf minn dak li kien qed jagħmel, huwa injorahom u kompla bl-aġir tiegħu. Uffiċjali ta’ Heritage Malta li kienu fuq il-post irnexxielhom jidentifikawh malli daħal fil-ħanut li jinsab fis-sit. Meta ġie kkonfrontat minn ħaddiema u uffiċjali tas-sigurtà, ir-raġel ammetta li giref il-megalit u sostna li ħaseb li tali mġiba kienet permessa, minħabba li fuq l-istess ġebla hemm tnaqqix storiku ieħor. Huwa kkopera mal-Pulizija li waslu fuq il-post u esprima rimors għal dak li għamel.



Ilbieraħ waranofsinhar, iċ-ċittadin Ungeriż tressaq quddiem il-Qorti ta’ Għawdex, fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. Huwa ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat €15,000.



Kwalunkwe tentattiv biex jitneħħa l-grif jista’ jikkomprometti l-kisja oriġinali tal-wiċċ tal-ġebla u joħloq kundizzjonijiet li jħaffu d-deterjorament tagħha. Għalhekk, il-ħsara hija meqjusa bħala permanenti u irriversibbli. Madankollu, bħala prekawzjoni kontra aktar ħsara, se jsir intervent immedjat ta’ mitigazzjoni.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI