Vuċijiet – Il-Kanzunetta B'Dedika Speċjali Għall-Familja Ta' Renato

Fatt kurjuż li forsi ftit jafu hu li din is-sena kien hemm kanzunetta tikkompeti fl-Għanja tal-Poplu b'dedikazzjoni għal Renato Micallef, Helen Micallef u Marbeck Spiteri. In-neputija ta' dawn it-tlieta hija Maria Spiteri, kantanta li bdiet tagħmel ħoss fix-xena lokali dan l-aħħar.

Renato u Helen, li jiġu ħut omm Maria sabu ruħhom jirrapreżentaw lil Malta fil-Eurovision Song Contest fis-snin sebgħin filwaqt li Marbeck Spiteri, li tiġi oħt missierha ħadet sehem f'diversi konkors lokali fis-snin disgħin. Maria tiftakar biċ-ċar liz-zijiet ikantaw f'diversi postijiet lokali u minn hemm nibtet l-imħabba lejn id-dinja tal-kant!

"Ċkejkna dejjem imwaħħla ma' djul nannti,

b'għajnejja jixgħalu b'tant eċitament,

lesta biex fuq palk liz-zijiet nara,

għal darb'oħra ingawdi dal-mument"

Hekk tibda din il-kanzunetta Vuċijiet ta' Maria u jidher li misset il-qlub, speċjalment dawk li faċilment jirrelataw magħha. Il-kuġina ta' Maria, Gloriana Arpa Belli li tiġi t-tifla ta' Helen Micallef, kantanta lokali wkoll, qaltilha li waqt li qiegħda tkanta bikkietha, it-tbissima u l-vuċi anġelika, il-kant mill-qalb mal-kliem u l-mużika kienu tassew emozzjonanti!

Ritratt: Facebook / Maria Spiteri

Emozzjonanti mhux biss għaliha imma wkoll għal membri oħra tal-istess familja bħal oħt Gloriana, Lulu u Vince Buhagiar. Żewġ membri oħra li hu involuti sew fil-qasam tal-kant u l-mużika. Jidher biċ-ċar li t-talent qed fid-demm ta' din il-familja! Maria tgħid lil Gloriana li t-talent għaddha mingħand in-nannu Ġuż.

Ritratt: Facebook / Gloriana Arpa Belli

Iz-zija Marbeck kienet minn tal-ewwel biex tifraħ lil Maria fuq il-mezzi soċjali u dakinhar tal-festival kienet tinsab fl-udjenza sabiex tissaportja lin-neputija tagħha. Iz-ziju Renato kien xogħol imma ċertament li segwa l-wirja tan-neputija filwaqt li z-zija Helen li probabbli kienet qed tieħu ħsieb lin-neputijiet segwiet mid-dar b'reqqa.

Ritratt: Facebook / Maria Spiteri

Sabiħ li tara t-talent miexi minn ġenerazzjoni għall-oħra u jibqa' ħaj. Barra minn hekk, kanzunetta b'dedikazzjoni tant speċjali żgur li niżlet għasel mal-membri familjari fl-akbar festival fuq il-gżejjer Maltin. F'isem Gwida.mt nawguraw lil Maria aktar u aktar suċċess fil-karriera mużikali tagħha.

Facebook / Renato Micallef

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI