Chef Chris, mir-restorant San Remo Mosta, b’qalb maqsuma kiteb li dan il-ħanut se jkun qed jagħlaq il-bibien tiegħu.
Hu kiteb, “Lil kull min appoġġjani matul is-snin. Bħal ma ħafna minnkom diġa tafu, wara ħafna ħsieb u konsiderazzjoni, ħadt waħda mill-iktar deċiżjonijiet diffiċli tal-karriera tiegħi. Wasal il-ħin li nibda kapitlu ġdid. Ħafna minnkom diġa nnutajtu s-sinjal ‘To Let’. Għalkemm dan ma kienx kif ittamajt li naqsam l-aħbar magħkom. Xtaqtkom tisimgħuha direttament minni.”
Żied jgħid, “Matul is-snin, San Remo sar iktar minn sempliċiment snack bar, sar it-tieni dar tiegħi.”
Hu spjega li d-deċiżjoni ma’ kienet faċli xejn iżda affaċjaw ċerti sfidi u ma xtaqux jagħmlu kompromess billi jbaxxu l-kwalita` tas-servizzi li joffru. Se jibqgħu miftuħin sal-31 t’Awwissu.
Kompla billi żvela sorpriża ġdida, “Il-vjaġġ ma jispiċċax hawn. Ninsab ħerqan biex nistedinkom f’Jimren, post ġdid tat-takeaway faċċata San Remo. Minkejja li mhux se joffri l-istess esperjenza fejn tista’ tiekol ġewwa, xorta tistgħu tistennew l-istess kwalita` ta’ ikel u servizz, u xi platti ġodda eċitanti li nixtieq naqsam magħkom.”
Hu temm billi rringrazzja lil kulħadd tal-appoġġ, ħbiberija u lealta` għaliex dawn ifissru għalih iktar milli jista’ jesprimi bil-kliem.
Facebook / San Remo Mosta