Will huwa t-tifel il-kbir fost erba’ aħwa f’familja fqira ħafna li tgħix f’Arusha t-Tanżanija. Missieru jaħdem bħala ġardinar, imma żmien ilu kellu inċident fejn tilef idu. Minkejja dan, ir-raġel xorta baqa’ jaħdem u jistinka kemm jiflaħ, anke jekk il-flus li jieħu d-dar rari jkunu biżżejjed.
Will, li għandu 17-il sena, jattendi l-iskola tas-seminarju tal-lokal, mingħajr ħlas, għax li kieku żgur li ma kienx ikun jista’ jattendi. Miegħu hemm ħafna studenti oħrajn li ġejjin minn ambjenti diffiċli wkoll. L-iskola tagħti prijorità lill-edukazzjoni tat-tfal, għalhekk ma jkollhiex biżżejjed finanzi biex tagħmel xi manutenzjonijiet u xogħol strutturali li jkun hemm bżonn u kif meħtieġ, bir-riżultat li din iddeterjorat sew tul is-snin.
Meta tagħmel ix-xita, il-klassijiet jegħrqu, il-bibien therrew bl-ilma, is-soqfa jqattru u ilma sħun ma jeżistix. Minflok jirranġaw l-iskola, il-flus jintużaw biex tingħata tama lill-istudenti fqar billi tagħtihom edukazzjoni xierqa, x’jieklu u saqaf b’xejn sakemm ilestu l-istudji tagħhom. Ix-xewqa, sew tal-għalliema kif ukoll tal-istudenti, hija li jkollhom biżżejjed fondi sabiex jibnu klassijiet ġodda ħalli jkunu jistgħu jitgħallmu fihom f’aktar kumdità u mingħajr problemi.

Il-ħolma ta’ Will hija li la jikber isir saċerdot, għax iħoss il-vokazzjoni. Dan irid jagħmlu għax jixtieq jagħmel il-ġid ma’ ħaddiehor kif ra lir-reliġjużi jagħmlu miegħu meta kellu bżonn. Din il-ħolma mhix xi waħda impossibbli, għaliex fil-fatt l-Isqof ta’ Arusha kien student f’din l-istess skola!
Grazzi tad-donazzjoni tiegħek u ta’ ħafna benefatturi oħra ta’ qalb tajba, ix-xewqa tal-għalliema u tal-istudenti, fosthom Will, li jattendu l-iskola tas-seminarju f’Arusha, tista’ ssir realtà!
Matul ix-Xahar Dinji Missjunarju kif ukoll fil-Jum Dinji Missjunarju, li din is-sena se jaħbat nhar il-Ħadd 22 t’Ottubru, bit-tema: ‘Qlub Imkebbsa, Saqajn Mexjin’ (Lq.24:13-35), nitolbu b’mod speċjali għall-Knisja batuta fil-missjoni u għall-missjunarji kollha. Il-kura tal-Papa għall-knejjes kollha hija espressa permezz tat-talb u tas-solidarjetà inkoraġġuti minn Missio. Permezz tal-Kattoliċi Maltin u Għawdxin, Missio jippermetti li knejjes f’djoċesijiet missjunarji jilħqu l-komunitajiet tagħhom bl-imħabba u l-kompassjoni ta’ Ġesù Kristu.
Ejjew ilkoll ningħaqdu flimkien biex nuru solidarjetà ma’ dawn ħutna anqas ixxurtjati minna li jgħixu f’pajjiżi tat-Tielet Dinja. Kull talba u kull donazzjoni huma apprezzati, żgħar kemm huma żgħar. Aktar tagħrif jinsab f’din ir-rivista jew żur www.missio.org.mt jew ċempel 2123 6962. Grazzi mill-qalb.