Fuq il-paġna 'Ħobżna ta' Kuljum', Marie qasmet mas-segwaċi tagħha xi ftit ħsibijiet dwar il-festi. Il-kitba tagħha semmietha 'Il-Milied f’Ottubru'.
Hi kitbet, "Ottubru bilkemm spiċċa u diġà xegħlu d-dwal tal-Milied. Xahrejn naħsbu fil-Milied, xahrejn reklami u xiri. U Novembru? Qisu ma jeżistix! It-tradizzjonijiet u t-togħmiet ta’ Novembru intesew. Jum il-Qaddisin Kollha u Jum il-Mejtin, San Martin, San Anard u Santa Katarina. Il-qastan, il-karawett, ir-rummien, l-ewwel xita u l-ewwel kesħa. Iż-żjarat fiċ-ċimiterji, it-tifkiriet u l-bidla fl-istaġuni."
Żiedet tgħid, "Novembru għandu r-ritmu tiegħu u s-seħer ta’ staġun li qed jinbidel. Imma jekk m'hemmx skuża għall-kummerċ, ix-xahar jista' ma jeżistix. Forsi għalhekk tefgħulu l-Black Friday f'nofsu, ħalli jkollu festa għax-xiri wkoll."
X'taħsbu dwar dan intom?
Facebook / Ħobżna ta’ Kuljum