Xi Nies Jgħidu Li Fis-Sajf Jieħdu R-Ruħ? Kont Taf Li Hemm Spjegazzjoni Għaliha Din?

Xi nies jgħidu li fis-sajf jieħdu r-ruħ – iżda għaliex jiġri dan? Ir-risposta tinsab fil-kimika tal-moħħ u r-ritmu naturali tagħna.

L-espożizzjoni għal dawl qawwi bħal dak tax-xemx taffettwa ir-ritmu ċirkadjan – is-sistema interna li tirregola l-irqad, l-enerġija u l-burdata. Skont studju fil-Journal of Affective Disorders, aktar dawl naturali jwassal għal produzzjoni ogħla ta’ serotonin, il-kimika li tgħinek tħossok tajjeb u tnaqqis fil-melatonin, li meta jkun għoli jaqbadna n-ngħas. Dan ifisser iktar enerġija, burdata aħjar u motivazzjoni.

Barra minn hekk, l-attivitajiet tas-sajf — bħal mixjiet, għawm jew ħin barra — iżidu l-livelli tad-dopamina u endorfina. Studju mill-Frontiers in Psychology sab li anke 20 minuta f’ambjent naturali tista’ tnaqqas l-istress b’mod sinifikanti.

Madankollu, is-sajf ma jħallix dan l-effett fuq kulħadd. Nies bi seasonal affective disorder invers (SAD tas-sajf) jistgħu jesperjenzaw ansjetà jew nuqqas ta’ rqad f’dan l-istaġun. U għal oħrajn, il-pressjoni biex igawdu s-sajf tista’ tagħmel aktar ħsara milli ġid.

Il-ġisem jaf x’inhu jagħmel. Xi drabi, is-sajf ifisser moviment u vitalità. F’oħrajn, ifisser mistrieħ u awto-riflessjoni. L-importanti hu li tisma’ mir-ritmu ta’ ġismek u mhux is-soċjetà.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI