Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta ħabbar li matul din il-ġimgħa wettaq b’suċċess żewġ operazzjonijiet ta’ ritorn, li permezz tagħhom żewġ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ġew irritornati lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom fl-Afrika ta’ Fuq.
Wieħed mill-individwi kien diġà serva sentenza ta’ priġunerija wara li nstab ħati b’rabta ma’ attentat ta’ qtil ta’ raġel fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far fl-2016. It-tieni persuna kienet instabet ħatja li għamlet użu minn passaport iffalsifikat. Wara li ġew eżawriti l-proċeduri meħtieġa, din ukoll ġiet irritornata lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

Fiż-żewġ każijiet inħarġu projbizzjonijiet fuq id-dħul, biex b’hekk dawn l-individwi ma jkunux jistgħu jerġgħu jidħlu fiż-Żona Schengen. B’dawn iż-żewġ operazzjonijiet, it-total ta’ persuni deportati minn Malta matul din is-sena tela’ għal 19-il persuna.
"Il-messaġġ huwa ċar: Malta tilqa’ lil min jirrispetta l-liġijiet tagħha, iżda mhux se tittollera l-illegalità, il-kriminalità jew l-abbuż mis-sistema," intqal fil-komunikazzjoni.