Malta Models iċċelebrat il-ħames anniversarju tagħha b’avveniment spettakolari li sar f’MonteKristo, f’serata li tista’ tibqa’ mfakkra bħala waħda mill-itwal catwalks li qatt saru f’Malta.
L-avveniment, organizzat mid-direttriċi u fundatriċi tal-Malta Models, Jeanette Schembri Bezzina, sar b’għan ta’ ġbir ta’ fondi għall-Hospice Malta.
Matul is-serata, madwar 60 mudell telgħu fuq il-catwalk biex jippreżentaw kollezzjonijiet u lbiesi minn numru ta’ disinjaturi u marki differenti.

Fost dawk li ħadu sehem kien hemm Juneberry, Candida, Cefai Formal Wear, Janice Hairstylist, Gisele Couture, Zuri u Haute Couture by Daly.
Is-serata kienet imżejna wkoll b’divertiment live, bil-preżenza tal-band Brass House Unit, il-kantanti Drakard u Michaela Galea, kif ukoll iż-żeffiena mill-Fantasy Show Girls, li komplew jagħtu atmosfera speċjali lill-avveniment.

Għas-serata attendew ukoll diversi influencers, preżentaturi u personalitajiet magħrufa, b’udjenza ta’ madwar 400 persuna preżenti.
Avveniment ta’ dan il-kobor ma kienx ikun possibbli mingħajr l-appoġġ tal-isponsors u l-kollaboraturi li taw il-kontribut tagħhom.
Fost dawn kien hemm Keith Demicoli, li mexxa l-preżentazzjoni tas-serata, kif ukoll Malta Signs, Commander Jay, Audience, Soundtech, BG Fireworks, G7 Events, Stradarjali, Project Green u Andrews Snackbar.
Wara l-kwinti kien hemm ukoll tim kbir ta’ professjonisti, fosthom fotografi, videographers, makeup artists, coordinators, content creators u hairstylists, li ħadmu flimkien biex kull dettall tal-avveniment ikun eżegwit bl-aħjar mod.

Għal Jeanette Schembri Bezzina, din is-serata kienet ħafna aktar minn ċelebrazzjoni ta’ ħames snin ta’ Malta Models. Kienet ukoll it-twettiq ta’ ħolma li kienet ilha żżomm f’qalbha.
Fid-diskors tagħha, Jeanette tkellmet dwar il-vjaġġ tagħha u dwar kif, permezz tad-determinazzjoni u ir-rieda fil-ħolm tiegħu, wieħed jista’ jasal biex iwettaq dak li dejjem xtaq.

Il-ħames anniversarju tal-Malta Models għalhekk intemm b’serata ta’ moda, divertiment u solidarjetà, filwaqt li ġie enfasizzat ukoll il-messaġġ li ħolma, flimkien mad-determinazzjoni, tista’ ssir realtà.
U issa tibqa’ l-mistoqsija: se nerġgħu naraw lill-Malta Models torganizza avveniment ta’ dan il-kobor fil-futur qarib?

Malta Models