Il-personalità lokali John Busutill stqarr li xejn ma kien faċli għalih meta 21 sena ilu ibnu ħa d-deċiżjoni li jmur jgħix il-Ġappun tant li jiddeskrivi din il-ġurnata bħala “waħda mill-iżjed ġranet diffiċli” ta’ ħajtu.
“Dak iż-żmien kont anke staqsejt lili nnifsi jekk għadx nerġa’ narah,” saħaq John li jistqarr li b’xorti tajba llum il-ġurnata kellu l-opportunità li jiltaqa’ m’ibnu kemm-il darba hekk kif fil-fatt bħalissa stess ibnu ġie jżuru mill-Ġappun.
John isemmi wkoll li minkejja li ibnu sab ruħu jikber u jibni familja f’dinja għalkollox differenti, madankollu jħoss li baqa’ l-istess persuna li fost oħrajn “taf tħobb u tagħder”.
Min-naħa tiegħu, Damian iben John, isemmi li meta mar jipprova jibni ħajtu mill-ġdid ġewwa l-Ġappun, wieħed mill-ikbar ostakli li sab kienet proprju l-lingwa li ma waqfitu milli jintegra sew fil-pajjiż. Agħar minn hekk, hu jsemmi li l-lingwa Ingliża ftit li xejn hija mitkellma fil-Ġappun.
Illum il-ġurnata Damian irnexxielu jibni ħajtu mill-ġdid u anke għandu l-familja tiegħu fil-Ġappun.
Ritratti: Facebook / Ilwien