23 Sena Minn Mewtu Adrian Borg Jibqa’ Mfakkar B’Imħabba U Għożża

Hemm telfiet, li minkejja li jgħaddi żmien, jibqgħu mnaqqxa għal dejjem fil-qlub ta’ dawk li jkunu għexuhom. Waħda minn dawn hija l-istorja ta’ Adrian Borg, tifel li ħalla din id-dinja ta’ 14-il sena biss.

Illum, 23 sena wara t-traġedja li ħasdet ħajtu, isem Adrian għadu jfakkarna kemm il-ħajja tista’ tinbidel f’waqt wieħed. Kien fl-2003, meta Adrian tilef ħajtu f’inċident traġiku fl-iskola li kien jattendi għaliha, wara li waqgħet lasta tal-futbol fuqu. Dak li kellu jkun jum ordinarju fil-ħajja ta’ student żagħżugħ, spiċċa f’telfa li ħadd ma seta’ jobsor.

Adrian kien għadu fil-bidu tal-vjaġġ tiegħu, b’ħafna snin quddiemu u b’futur li kellu għadu jinkiteb, iżda, minkejja li ż-żmien kompla għaddej, il-memorja tiegħu baqgħet ħajja. Is-sena li għaddiet, fuq xewqa tal-ġenituri tiegħu, il-Gvern ta ġieħ lill-memorja tiegħu billi semma skola f’Birkirkara għalih. Ġest li permezz tiegħu isem Adrian jibqa’ mfakkar ukoll mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Għalkemm il-ħajja ta’ Adrian intemmet kmieni wisq, il-memorja tiegħu tibqa’ tfakkira ta’ tifel li qatt m’għandu jintesa.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI