“285 Jum U 51.5kg Wara” – Matthew Ellis Bi Vjaġġ Ta’ Determinazzjoni Li Jispira Lil Ħafna

Matthew Ellis

Matthew Ellis, fotografu u vidjografu lokali ta' 23 sena, qasam il-vjaġġ impressjonanti ta’ trasformazzjoni fiżika tiegħu, hekk kif wara ftit aktar minn disa’ xhur ta’ dedikazzjoni u konsistenza rnexxielu jitlef 51.5 kilogramma.

F’messaġġ personali fuq il-midja soċjali, Matthew isemmi l-ħajja li dejjem kien jaf, mit-tfulija sal-età adulta, li iżda issa nbidlet f'waħda li tant sodisfatt biha.

F’Jannar tal-2026, huwa kien jiżen 121 kilogramma, iżda wara li ddeċieda li jieħu ħajtu f’direzzjoni differenti, beda jiffoka fuq dak li seta’ jikkontrolla. “Minn 121 kilogramma għal 69.5 kilogramma,” kiteb Matthew. Vjaġġ li wasslu wkoll biex jegħleb il-limiti li kien jimponi fuqu nnifsu stess.

Minn persuna li kienet issibha diffiċli anke f’attivitajiet fiżiċi bażiċi, ftit ilu rnexxielu jikseb suċċess fl-ewwel tellieqa tiegħu ta’ 5 kilometri.

Madankollu, għal Matthew, l-akbar bidla ma kinitx dik fiżika biss, iżda anke waħda mentali. Hu sostna li matul dan il-vjaġġ tgħallem kemm huma importanti d-dixxiplina, il-perseveranza u l-impenn, anke fil-jiem meta l-motivazzjoni tkun batuta.

“L-akbar trasformazzjoni ma kinitx fiżika. Kienet mentali,” saħaq Matthew, filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li kienu ta' appoġġ kbir matul dan il-proċess.

Qasam anke filmat li juri dan il-vjaġġ ta' determinazzjoni li kapaċi jispira tant persuni li jsegwuh. Prosit kbira Matthew! Żgur li qed tkun ta' ġid kbir għal ħafna nies!

Ritratt:

Instagram/ Matthew Ellis

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI