Aktar spazji miftuħa għall-familji u għal dawk li jħobbu l-annimali f’Pembroke! Żewġ artijiet fil-lokalità se jingħataw lill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet, bil-għan li jiġu żviluppati f’żoni ta’ rikreazzjoni għall-komunità.
Iż-żewġ artijiet, li flimkien ikopru aktar minn 13,500 metru kwadru, jinsabu fi Triq Sant’Andrija u fi Triq Martin Luther King. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill Lokali se jkun jista’ jwettaq żewġ proġetti komunitarji, park apposta għall-klieb u żona attrezzata fejn wieħed ikun jista’ jagħmel il-barbecues.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici saħaq fuq l-importanza li l-art pubblika tintuża bl-aħjar mod possibbli sabiex jitwettqu proġetti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli qalet, "Il-Gvern jemmen li l-investiment fil-komunitajiet jibda billi nagħtu lin-nies postijiet fejn jistgħu jiltaqgħu, jirrilassaw u jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien."
Is-Sindku ta’ Pembroke, Kaylon Zammit, esprima l-fehma tiegħu li dawn iż-żewġ proġetti se jħallu impatt pożittiv mhux biss fuq ir-residenti ta’ Pembroke, iżda wkoll fuq dawk tal-lokalitajiet tal-madwar. "Dan huwa pass ieħor fl-impenn tagħna li nkomplu noħolqu spazji miftuħa, aċċessibbli u attrezzati għall-benefiċċju tal-komunità kollha," temm jgħid is-Sindku.
Dawn il-proġetti mistennija joffru aktar opportunitajiet lill-familji biex iqattgħu ħin flimkien fil-beraħ, filwaqt li s-sidien tal-klieb se jkollhom ukoll spazju apposta fejn ikunu jistgħu jgawdu l-ħin mal-annimali domestiċi tagħhom.
Agħfsu HAWN għall-filmat!