Id-dilettanti tal-futbol u tal-memorabilia sportiva issa għandhom opportunità unika biex jesperjenzaw vjaġġ straordinarju fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja permezz tal-“Legendary Football Collection”, li fetħet fil-Grist, Livell numru 4, ġewwa The Brewhouse.

Il-wirja, li hija miftuħa kuljum mill-10:00 sad-21:00, fiha kollezzjoni impressjonanti ta’ 321 oġġett uniku relatati mat-Tazza tad-Dinja, li jkopru l-istorja tal-kompetizzjoni mill-ewwel edizzjoni fl-1930 sal-kwalifikazzjonijiet għall-edizzjoni tal-2026.
Fost l-oġġetti esebiti hemm flokkijiet iffirmati, memorabilia minn logħbiet storiċi, biljetti uffiċjali, ritratti, blalen, stvali u kollezzjonabbli rari marbuta ma’ wħud mill-akbar leġġendi tal-futbol, fosthom Pelé, Lionel Messi, Cristiano Ronaldo, Ronaldo, Neymar, Kylian Mbappé u Gianluigi Buffon.

Il-kollezzjoni tirrappreżenta 70 pajjiż differenti, inkluża Malta, u toffri ħarsa lejn il-mumenti li sawru l-istorja ta’ wieħed mill-aktar tournaments prestiġjużi fid-dinja sportiva.
Il-wirja ġiet ikkurata minn Memorabilia for Charity Malta b’risq Hospice Malta u hija appoġġjata minn Budweiser. Id-dħul hu bla ħlas, u b’hekk il-pubbliku jista’ jgawdi minn din l-esperjenza unika filwaqt li jappoġġja kawża importanti.

Minbarra l-wirja, The Brewhouse se jkun qed joffri wkoll xandiriet diretti tal-logħbiet, divertiment live f’ċerti ġranet u għażla ta’ offerti speċjali fuq ikel u xorb madwar il-venues differenti tiegħu.
Il-Legendary Football Collection hija miftuħa kuljum fil-Grist, Livell 4, The Brewhouse, u hija destinazzjoni ideali għal kull min iħobb il-futbol u l-istorja tiegħu.