Mariella Mizzi fakkret l-40 anniversarju taż-żwieġ tagħha ma’ Joe b’messaġġ mill-qalb, li fih esprimiet l-imħabba, il-gratitudni u l-apprezzament tagħha lejn żewġha.
Mariella qalet li minkejja li llum hija ġurnata speċjali ħafna, għalija kull ġurnata li tgħaddi ma’ Joe hija rigal. Hi rriflettiet dwar l-impenn u d-dedikazzjoni li titlob relazzjoni biex tibqa’ għaddejja matul is-snin, iżda qalet li dan kollu jagħti wkoll ħafna sodisfazzjon.
Hi rringrazzjatu talli jimlielha ħajjitha bl-imħabba, bil-ferħ u bis-sbuħija, u talli dejjem taha l-ispazju biex tiddedika ruħha għal dak li tħobb.
B’umoriżmu u tenerezza, Mariella semmiet ukoll il-karattru tagħha li mhux dejjem faċli, filwaqt li ddeskriviet lil Joe bħala “l-mutur” li jagħtiha l-enerġija meta l-“magna” ta’ ħajjitha tibda tmajna.
Meta tħares lura lejn l-erbgħin sena tagħhom flimkien, Mariella fakkret kif snin ilu kien hemm min emmen li, minħabba d-differenzi kbar fil-karattri tagħhom, ma kinux se jdumu erbgħin jum flimkien.
Illum, skontha, il-koppja wriet li dik il-fehma kienet żbaljata, għax it-tolleranza u l-imħabba jistgħu jegħlbu d-differenzi. Flimkien kibru, iffurmaw familja u llum qed igawdu wkoll in-neputijiet, li, kif qalet hi, ġabuhom lura bħallikieku tfal żgħar waqt li jilagħbu u jitbellhu magħhom.
Filwaqt li ammettiet li l-ħajja ġġib magħha l-intoppi, Mariella qalet li flimkien se jibqgħu jegħlbuhom sakemm jibqgħalhom is-saħħa.
Fi tmiem il-messaġġ tagħha, hija ddikjarat l-imħabba tagħha lejn Joe u wegħditu li se tibqa’ tagħżlu, tħobbu u tgħożżu, filwaqt li sellmitlu b’xewqa għall-“erbgħin sena li jmiss”.