45 Sena ta’ Waterloo: Il-Grupp Mużikali ABBA Se Jirritorna!

Aktar tard din is-sena, x’aktarx f’Settembru jew f’Ottubru, il-grupp ABBA se jkun qed jerġa’ jingħaqad biex iwassal materjal ġdid. Din l-aħbar intlaqgħet tajjeb mill-kritiċi tal-mużika iżda b’mod speċjali mid-dilettanti tal-Eurovision, għax wara kollox kien permezz ta’ din il-kompetizzjoni li l-ABBA kisbu għarfien internazzjonali wara li eżattament 45 sena ilu rebħu l-Eurovision bil-kanzunetta Waterloo.

Il-jum tas-6 ta’ April 1974 kien wieħed imporanti għax-xena mużikali Żvediża għax fi Brighton ġewwa r-Renju Unit, kienet qed tittella’ l-19-il edizzjoni tal-Eurovision Song Contest. L-ABBA kien grupp relattivament ġdid li ġie ffurmat sentejn qabel. Kien qed jikkompeti bis-silta Waterloo li rebħet din l-edizzjoni. Dan ir-riżultat wassalhom biex jiksbu għarfien internazzjonali u dam jiksbu suċċess wieħed wara l-ieħor sal-1982.

L-ABBA llum m’għadhomx flimkien iżda l-mużika tagħhom baqgħet popolari u x’aktarx li Waterloo hija l-iktar kanzunetta popolari ta’ kull żmien mix-xena tal-Eurovision. Il-fans ilhom jistennewhom lura u hekk kif din is-sena jaħbat il-45 anniversarju tas-suċċess ta’ din id-diska, ix-xewqa tagħhom donnha li se ssir realtà.

Björn Ulvaeus u Benny Andersson kienu jiktbu għal Polar Music waqt li t-tfajliet tagħhom kienu kantanti. Ingħaqdu flimkien għas-silta Hej Gamle Man li kienet inkluża fl-album tagħhom Lycka u kien hawn li ż-żewġ kompożituri rġiel kienu ntebħu li t-tfajliet kienu kantanti ferm aħjar minnhom.

Fl-1972 Bjorn u Benny bdew jitħajjru għall-Eurovision u daħlu fil-Melodifestival, il-kompetizzjoni li minnha jintgħażel ir-rappreżentant Żvediz għall-Eurovision. Ħadmu fuq is-silta Säg det Med en Sang li biha l-kantanta Lena Andersson kklassifikat fit-tielet post fil-kompetizzjoni Żvediża.

Fl-1973, Bjorn, Benny, Frida u Agneta daħlu għall-Melodifestivalen bil-kanzunetta Ring, Ring iżda l-ġurija poġġithom fit-tielet post u l-Iżvezja bgħattu d-duo Malta, li biex jevitaw konfużjoni ma’ pajjiżna, nbidlilhom isimhom għal Nova & The Dolls bis-silta You’re Summer. Il-pubbliku Żvediż kien urtat bid-deċiżjoni tal-ġurija minkejja l-fatt li kklassifika fil-ħames post fil-Eurovision.

Fis-sena ta’ wara dawn Bjorn, Benny, Frida u Agneta reġgħu daħlu għall-kompetizzjoni. Il-kanzunetta Ring, Ring tas-sena ta’ qabel diġà kienet kisbet suċċess f’xi pajjiżi u issa addottaw l-isem ta’ ABBA. Rebħu l-festival Żvediż b’Waterloo u eventwalment il-Eurovision.

Din kienet l-ewwel rebħa għal dan il-pajjiż, segwita mbagħad fl-1984 permezz ta’ The Herreys bis-silta Diggi-Loo Diggi-Ley, l-1991 b’Carola b’Fångad av en stormvind, fl-1999 b’Take Me To Your Heaven ta’ Charlotte Nillson, fl-2012 permezz ta’ Euphoria ta’ Loreen u fl-2015 b’Heroes ta’ Måns Zelmerlöw.

Fil-Eurovision tal-1974, l-ABBA rebħu b’24 punt. Ir-Renju Unit, il-Greċja, l-Italja, il- Monaco, u l-Belġju ma vvutaw l-ebda punt lil dan il-pajjiż. Donnu li kienu biss il-Finalndja u l-Iżvizzera li kellhom viżjoni tal-fenomenu ta’ Waterloo għax kienu huma l-unika żewġ pajjiżi li vvutaw l-aktar punti għal din il-kanzunetta.

Dan l-artiklu deher l-ewwel fuq il-publikazzjoni ta’ kull ġimgħa Gwida.

Instagram / @abba

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI