L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tat aktar dettalji dwar l-interventi li mistennija jsiru fuq is-siġar u l-arbuxelli bħala parti mill-proġett tal-Lukanda ta’ Kemmuna. Skont l-ERA, l-interventi jikkonċernaw prinċipalment arbuxelli u siġar li kienu tħawlu bħala parti mill-pajsaġġ tal-lukanda preċedenti. Il-maġġoranza ta’ dawk li se jitneħħew jew jiġu trapjantati jinsabu fil-medda li diġà kienet okkupata mil-lukanda.
B’kollox se jitneħħew 624 arbuxella u siġra li mhumiex protetti. Minn dawn, 467 huma oleandri, speċi li tintuża ta’ spiss bħala pjanta ornamentali u li kienet tħawlet bħala parti mill-pajsaġġ tal-lukanda. Se jitneħħew ukoll 54 siġra protetta. Madankollu, l-ERA imponiet kundizzjoni fuq Hili Group biex għal kull siġra protetta li titneħħa jitħawlu għaxar siġriet ġodda. Dan ifisser li bħala parti mill-proġett għandhom jitħawlu 540 siġra indiġena ġdida.
Qabel ma jsir dan it-tħawwil, irid jiġi ppreżentat pjan ta’ kumpens għall-approvazzjoni tal-ERA sabiex jiġi żgurat li jintgħażlu speċi adattati għas-sit. Intant, 348 siġra oħra mistennija jiġu trapjantati f’żoni differenti fi ħdan is-sit tal-proġett. Jekk xi waħda minn dawn is-siġar ma tirnexxix wara t-trapjant, Hili Group se jkun obbligat iħawwel għaxar siġriet ġodda bħala kumpens għal kull waħda li tintilef.
L-ERA saħqet li d-deċiżjonijiet tagħha dwar dawn l-interventi huma bbażati fuq il-parir xjentifiku tal-esperti tagħha u fuq il-liġijiet ambjentali ta’ Malta.
Facebook / ERA