L-avventura ta’ Josuel Grech fl-Ultimate Elvis Tribute 2026 waslet fi tmiemha, b’esperjenza li bla dubju se tibqa’ memorja mnaqqxa f'qalbu għal dejjem.
Għalkemm din id-darba ma rnexxilux jidħol mal-ewwel 10 finalisti, Josuel xorta kellu għalfejn ikun kburi, hekk kif irnexxielu jkun fost l-aqwa 20 Elvis Tribute Artists fid-dinja.
F’messaġġ li qasam fuq il-midja soċjali, Josuel qal, li li jkun fuq dik il-palk u jirrappreżenta l-festival kienet esperjenza “surreali u inkredibbli”. Huwa rrikonoxxa wkoll il-livell għoli tal-kompetizzjoni, b’talent kbir ġej minn diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Għal Josuel, il-fatt li kellu l-opportunità jwettaq, jiltaqa’ ma’ artisti oħra u jkun parti minn dan l-avveniment diġà huwa rebħa fih innifsu.
B’ċertu sens ta’ umoriżmu, Josuel żied jgħid li l-aspett pożittiv hu li issa jista’ jgawdi l-bqija tal-ġimgħa bħala fan ta’ Elvis, wara li din id-darba għex l-esperjenza minn fuq il-palk.
Huwa rringrazzja wkoll lil Cooly Rocks On Official talli tawh l-opportunità jirrappreżenta l-festival, filwaqt li saħaq li għamel dan bi kburija.
Fl-aħħar nett, Josuel irringrazzja lil dawk kollha li tawh l-imħabba u l-appoġġ tagħhom matul din l-avventura, u qal li dan kollu jfisser ħafna għalih.
Facebook/Josuel Grech