Mikayla Toħroġ Kanzunetta Ġdida Bl-Isem ‘Fortune Teller’ – Kanzunetta Li Titratta Kapitlu Li Jkun Wasal Fi Tmiemu

Il-kantanta Għawdxija Mikayla, magħrufa wkoll bħala Mikaela Bajada, għadha kemm ħarġet il-kanzunetta ġdida tagħha ‘Fortune Teller’, li saret disponibbli fl-24 ta’ Settembru 2026.

Il-kanzunetta għandha timxi fuq stil alternative dance-pop u titratta dik is-sensazzjoni diffiċli meta tkun taf li wasal iż-żmien li tħalli lil xi ħadd warajk, minkejja li parti minnek tibqa’ tixtieq li l-istorja setgħet spiċċat mod ieħor.“I poured a lot of feelings, memories and questions into this song especially that feeling of knowing you need to let someone go, while secretly wishing the story could have been different,” qalet Mikayla dwar is-single l-ġdida tagħha.

Il-passjoni tagħha għall-mużika bdiet minn età żgħira. Wara li bdiet tipparteċipa f’kunċerti tal-iskola u musicals, kompliet tiżviluppa l-vuċi tagħha permezz ta’ lezzjonijiet tal-kant u diversi kompetizzjonijiet. Wieħed mill-akbar mumenti fil-vjaġġ tagħha kien fl-2009, meta flimkien ma’ Francesca rebħet il-Malta Junior Eurosong bil-kanzunetta ‘Double Trouble’. It-tnejn irrappreżentaw lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest fl-Ukrajna, fejn kisbu t-tmien post.

Matul is-snin Mikayla kompliet tiffoka fuq diversi aspetti tal-arti, fosthom il-kant, it-teatru u ż-żfin. Hija ħadmet ukoll ma’ korijiet u wettqet numru ta’ prestazzjonijiet fuq it-televiżjoni u f’avvenimenti lokali. 

Għal xi żmien hija warrbet il-wirjiet uffiċjali biex tiffoka fuq l-istudji tagħha u aktar tard bdiet karriera fin-nursing. Madankollu, il-mużika baqgħet parti importanti minn ħajjitha.Fl-2023 wettqet ħolma li kienet ilha ġġorr magħha u ħarġet l-ewwel kanzunetta oriġinali tagħha, ‘One Day (For Real)’, taħt l-isem artistiku Mikayla. Sena wara ħarġet ‘blue-eyed angel’, kanzunetta miktuba b’tifkira tal-ħabiba tagħha ta’ tfulitha.F’Marzu tal-2026 ħarġet ukoll il-kanzunetta bil-Malti ‘Wiċċ ta’ Grazzja’, miktuba minnha flimkien ma’ Julie Pomorski u ddedikata lil ommha.

Issa, permezz ta’ ‘Fortune Teller’, Mikayla qed tkompli tibni l-identità tagħha bħala kantanta, filwaqt li  qed tkompli tkanta ma’ Mikayla & Band f’diversi bars u ristoranti.

Ritratti:

Facebook/ Mikayla

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI