Il-mużika l-aqwa terapija! F’dan il-filmat tistgħu taraw dan bl-isbaħ mod! Sentejn ilu, Gianluca Cilia minn imkien rebaħ is-selezzjoni biex jirrapreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest. F’selezzjoni interna intagħżlet il-kanzunetta Dawra Tond, kanzunetta li serqet il-qlub tat-tfal, tal-adulti u anke tal-anzjani.
Il-popolarità tagħha kienet straordinarja u wieħed jista’ jgħid li għadha popolari sa llum il-ġurnata. Hija l-unika kanzunetta li qatt marret għal Junior Eurovision Song Contest għal Malta li l-filmat tagħha rawh aktar minn miljun persuna. Jidher li s-suċċess tal-kanzunetta għadu ħaj, dan l-aħħar il-kantanta Claudia Faniello flimkien ma' Donna Cassar u Kimberly Cutajar użaw il-kanzunetta bħala parti minn proġett li kienu qed jaħdmu fuqu fi ħdan l-Università ta’ Malta.
It-tfal kollha jidhru li ħadu gost jaħdmu fuq dan il-proġett li ġie ffilmjat minn Luke Borg minn Fade In Media. It-tfal wasslu l-messaġġ tal-kanzunetta bil-lingwa tas-sinjali! Xi ħaġa differenti mmens! Il-filmat ġie mehud ġewwa l-Kulleġġ ta’ Santa Klara, fi ħdan iċ-Ċentru Edukattiv tal-Primarja San Miguel. L-edukazzjoni fi ħdan dan iċ-ċentru hi bbażata fuq programm li jilħaq il-bżonnijiet ta’ kull student individwali. Ċentru li ilu mwaqqaf 30 sena!
M’hemm xejn isbaħ milli tara t-tfal jieħdu gost flimkien maċ-ċkejken Gianluca li flimkien maż-żeffiena ta' Annalise Ellul, janimaw dan il-filmat. Involuti wkoll fil-proġett kien hemm il-grupp 32nd Girl Guides Żejtun. Permezz ta’ dan il-filmat il-kanzunetta ħa tkompli tasal għand ħafna u ħafna aktar nies. Taf lil xi ħadd li kien iffisat fuq din il-kanzunetta, naħseb dal-filmat se jieħu gost bih żgur!