Bl-Awdjo: Anna Bonanno Tispiċċa Bla Impjieg Wara Li L-Frekwenza Jixtriha Silvio Berlusconi

L-Erbgħa li għadda fuq il-programm X’Minnek? ta’ David Muscat iltqajna ma’ Anna Bonanno. Anna hija magħrufa bħala xandara fuq TVM. Imma kont taf li Anna qabel kienet xandara kienet għalliema? U x’għandu x’jaqsam Silvio Berlusconi?

L-istorja bdiet meta Anna kellha biss 6 snin! Dak iż-żmien, missierha kien xtara sett tat-televiżjoni u Anna bdiet titgħallem it-Taljan. “Kien żmien ftit qabel fetaħ Xandir Malta. L-unika stazzjon li kien hemm kien Rai Uno” tgħid Anna.

Meta spiċċat mil-Università, Anna tibda tibgħat c-CVs kullimkien. “F’Diċembru irċivejt ittra mid-dipartiment tal-edukazzjoni fejn ofrewli impjieg ma’ skola tal-gvern bħala għalliema. Dak iż-żmien kienu ofrewli 92c is-siegħa” tistqarr Anna.

Ix-xogħol ta’ għalliema ma’ kienx qed jagħti lil Anna sodisfazzjon, u tgħid li... “Ridt xi ħaġa ta’ sodisfazzjon u kreattiva”. Għall-ħabta t’April, irċiviet ittra mingħand Xandir Malta li kienet tinkludi sentenza waħda biss:

“Jekk jogħġbok ejja fl-istudios għal-intervista”.

Anna tgħid li kienet eċitata ħafna għax ma kinitx taf għalxix qed tagħmel l-intervista. Ftit wara jidħol il-mibki Charles Arrigo u kien għamilha l-intervista hu. Kien qalilha li qegħdin iffitxu lil xi ħadd fluwenti bit-Taljan. “Qalli għandna stazzjon, Radju Malta Tre bil-lingwa Taljana u kellu bżonn min imexxi dan ir-radju. Ix-xandira kienet mit-8 ta' filgħodu, sas-2:30 ta’ waranofsinar”.

Anna tgħid li dan l-istazzjon attira ħafna nies, “Konna nirċievu ruxmata ittri minn kullimkien. Minn naħa t’isfel tal-Italja u Sqallija. Kollha biex jiddedikaw diska”.

Imma din l-esperjenza tieqaf ħesrem għax darba minnhom… “insib il-bieb tal-istudjo magħluq u qaluli li kien falla u spiċċajt mingħajr xogħol.” Ftit wara Anna saret taf il-frekwenza li kien jixxandar dan l-istazzjon ġiet mixtrija minn Silvio Berlusconi. Mill-frekwenza li kienet ixxandar Anna Bonanno infetaħ l-istazzjon Canale 5.

Imma Anna ma damitx wisq bla impjieg għax kienu offrewlha impjieg mal-kamra tal-aħbarijiet ta’ Xandir Malta.

Isma' l-intervista sħiħa minn hawn:

David Muscat / Facebook

Silvio Berlusconi / Facebook

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI