“Għaliex M’Aħniex Meqjusin Bħala Frontliners?” – Mariella Mizzi, Nutara

Mariella Mizzi, nutara kif ukoll omm Corazon, tikteb il-ħsieb tagħha fuq il-vaċċin tal-Covid-19 sabiex tingħata wkoll priorita lin-nutar.

“Għadni kemm smajt lill-Prim Ministru jgħid li qed javviċinawh in-nutara u jgħidulu li mhux ilaħħqu biex jagħmlu l-konvenji sa Marzu. Verita'. Nikkonferma, u nirringrazzjah, għax verament iċċaqlaq ix-xogħol. Pero' li ġara hu li dak ix-xogħol li kien se jinfirex fuq numru ta' snin issa nġabar kollu flimkien u waqa' fuqna qisu bomba. Issa l-bomba bil-periklu li ġġib magħha, ġiet estiża.

Dan ifisser li fl-uffiċċji tan-nutara qed ikun hemm nies aktar minn qatt qabel bħalissa. Ifisser ukoll iktar periklu u aktar ċans li n-nutara jimirdu. Kellna nutara li mardu, u aktar se jkollna. F'konvenju wieħed ġieli kellna ħamsin ruħ, għax ħadd ma jafda lil ħadd u ma jagħtux prokura. Jitilqu huma, u jiġu oħrajn, u hekk inqattgħu ġurnata sħiħa wiċċna man-nies. X'jiswa l-perspex? X'tiswa l-maskla? Meta tingħalaq f'kamra man-nies (li mhux kollha huma xempju tal-prudenza) għal ġurnata sħiħa tkun qed tiffirma kundanna għalik innifsek. Dik hi s-sitwazzjoni, u sħabi jafu x'qed ngħid.

Għaliex m'aħniex meqjusin bħala frontliners? Jaqaw m'aħniex nikkontribwixxu lejn il-pajjiż? Jaqaw insew kemm eluf ta' taxxi niġbrulu kull ġimgħa lill-Gvern? Għaliex nutara li għandhom ċerti kundizzjonijiet jew ta' ċerta eta' bħali, iridu jew jirrifjutaw ix-xogħol jew jirriskjaw ħajjithom? Dan kollu għal madwar 450 vaċċin? Għalina biss m'hemmx? Għaliex xħin tlabna li nitqiesu imqar mal-frontliners qalulna li hemm skeda li ma jċaqalquhiex? Allura għall-għalliema għaliex ċaqalquha?Mingħajr in-nutara inutli jinħarġu l-inċentivi biex jixprunaw in-negozju tal-proprjeta'. Nippretendi li nkunu stmati. Is-saħħa tal-bniedem tiġi ħafna qabel l-inċentivi tal-ekonomija, u n-nutar huwa bniedem f'riskju kbir bħalissa.

Dan mhux post politiku, huwa għajta għall-għajnuna fil-pubbliku.”

Għaddilna l-kummenti tiegħek dwar dan.

Mariella Mizzi / Facebook, Ritratt / Pexels

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI