Fl-aħħar artiklu rajna kif din is-sena l-karnival ġie ridimenzjonat biex jirrispetta s-sitwazzjoni kurrenti tal-pandemija. Minkejja dawn iż-żmienijiet ta’ sfida, it-tim ta’ Festivals Malta qed jaħdem biex l-ispirtu tal-Karnival ma’ jintilifx.
B’hekk, apparti l-istallazzjonijiet u l-esebizzjoni li diġa tkellimna fuqhom, huma qed jorganizzaw kollaborazzjoni ħelwa ma’ Teatru Malta, kif ukoll bosta programmi li ser jitrasportaw il-Karnival Malti ġewwa d-djar tagħna?

B’differenza mis-snin tas-soltu, din is-sena ser issir kollaborazzjoni ma’ Teatru Malta fejn tlett preżentaturi mit-tim tagħhom ser joħolqu serje qasira dwar crafts tal-Karnival. Is-serje, li ser tkunu tisgħu ssegwuha fuq il-midja soċjali ta’ Teatru Malta u Festivals Malta, ser tinkludi filmat ippreżentat minn Sarah Grech, Izzy Warrington u David Grima.
Dawn se juruna kif tagħmel maskra, kostum u kraft tal-Karnival pass wara pass f’attivita’ tajba kemm għat-tfal kif ukoll għall-kbar. Tabilħaqq, il-materjali li għandkom bżonn għall-dawn l-oġġetti huma kollha riċiklabbli. L-episodji ser jixxandru nhaw it-13, 14 u 15 ta’ Frar fid-disa’ ta’ filgħodu.

Apparti minn din il-kollaborazzjoni Festivals Malta ħadu ħsieb li jipproduċu diversi produzzjonijiet fuq TVM 2 relatati mal-karnival. Il-programmi jibdew il-Ġimgħa 12 ta’ Frar fis-18:30 b’verżjoni drammatizzata tal-Qarċilla; farsa poetika tradizzjonali li tittratta dwar żwieġ fittizju. Din il-produzzjoni, li ġiet miġbuda fil-Palazz tal-Inkwiżitur il-Birgu, ser toffri wkoll spjegazzjoni storika dwar l-oriġini tal-qarċilla u r-relazzjoni tagħha mal-Karnival Malti. Repetizzjoni tal-Qarċilla ser issir it-Tnejn 15 ta’ Frar fis-14:00.
Is-Sibt 13 ta’ Frar, Festivals Malta ser joħduna lura għall-Karnival tas-sena li għaddiet, f’waħda mill-attivitajiet l-iktar popolari tal-Karnival Malti – Il-Karnival tat-Tfal 2020. Segwu l-kostumi meraviljużi tad-delettanti ċkejknin, li ta’ kull sena, jipparteċipaw bi ħġarhom f’ dan il-brijju spettakolari.
Delettanti tal-Karnival ser jingħataw opportunita’ li jaraw ix-xogħol u l-preparamenti ta’ dan il-festival aktar mill-qrib permezz ta’ programm bl-isem mill-Imħażen tal-Karnival. L-ewwel parti, li tittratta dwar ix-xogħol wara l-kostumi competittivi, ser tixxandar il-Ħadd 14 ta’ Frar fil-11:00. Filgħaxija fis-19:30 tibda’ t-tieni parti dwar l-istallazzjonijiet artistiċi u dawk fit-toroq li din is-sena ser jieħdu post il-karrijiet tradizzjonali.
L-aħħar programm jħares mill-qrib lejn l-istorja rikka tal-Karnival Malti, b’dokumentarju li joħodna fuq il-vjaġġ tal-Karnival matul is-snin mill-lenti ta’ personaġġi prominenti ma’ dan il-Festival. Titilfuħx, nhar it-Tlieta 16 ta’ Frar fid-21:30.

Għalkemm il-Karnival mhux ser isir fiżikament fuq l-iskala li tradizzjonalment nafu, Festivals Malta xorta rnexxilhom ifasslu programm bi ħsieb li hu mimli daqs bajda. Iċċelebraw dan iż-żmien sabih flimkien mal-familja tagħkom mill-kumdita’ u s-sikurezza tad-dar. Ejjew inżommu ħaj l-ispirtu ferrieħi li jġib miegħu dan iż-żmien minkejja dawn iż-żminijiet diffiċli.
Għal aktar informazzjoni u aġġornamenti idħlu fuq is-sit elettroniku ta’ Festivals Malta HAWN u fuq il-paġna tal-midja soċjali HAWN.