“L-Udjenza Baqgħet Imsammra Fis-Siġġu Tagħha” – Ilbieraħ Fetħet Il-Produzzjoni They Blew Her Up

Mhux faċli li ttella’ produzzjoni teatrali fuq każ li kien u għadu qed jiġi segwit mill-midja lokali u l-midja internazzjonali, każ li għalkemm tul dawn l-aħħar erba’ snin mexa ’l quddiem għadhom qed joħorġu dettalji ġodda. Il-produzzjoni They Blew Her Up ġewwa Spazju Kreattiv qed tagħmel proprju dan.

B’udjenza ridotta minħabba s-sitwazzjoni preżenti, l-udjenza tista’ tgħid li kienu mwaħħlin mas-siġġu jaraw l-istorja li kull wieħed u waħda minna li konna hemm, għexna tiġi interpretata għall-palk. Wieħed jista’ jgħid, li kull min kien preżenti kellu ċ-ċans, sa ċertu punt jerġa’ jgħix il-mumenti li għaddha minnhom pajjiżna. 





Mumenti li ġibdu l-attenzjoni tad-dinja kollha u mhux ta’ pajjiżna biss. Il-ħames atturi li ħadu sehem, Joe Azzopardi, Kim Dalli, Alan Paris, Jes Camilleri u Charlotte Grech taw rappreżentazzjoni mil-lenti ta’ Herman Grech. Dramm b’espressjoni artistika bbażat fuq avvenimenti attwali iżda huwa fittizzjonat għal skop ta’ drammatizzazzjoni.

Kull attur, kull attriċi… bl-iċken moviment, bl-iċken nifs, bl-iċken pawża… juruk dak li l-karattru li qed jinterpretaw x’qed iħoss. Jagħtu stampa reali għall-aħħar ta’ l-uġigħ li wieħed għaddej minnu u fl-isfond ta’ din l-istorja li kulħadd tista’ tgħid jaf, nidħlu fil-livell uman. Livell li ftit kellna x-xorti li nsiru nafu u niskopru. L-element uman li jmiss lil kull qalb, ġej mingħand min ġej. 

Ħaġa waħda kienet impressjonanti fit-teatru lbieraħ, l-udjenza tant kienet maħkuma minn dak li qed tara li malli spiċċa l-ispettaklu u l-atturi ħarġu minn fuq il-palk, l-udjenza baqgħet imsammra fis-siġġu tagħha. Bħal donnha stenniet aktar… bħal donnha waqfet tirrifletti fuq dak li għadha kemm rat… bħal donnha qed tistenna tweġiba u konklużjoni. 



sk

Dawk li huma interessati jaraw din il-produzzjoni jistgħu jidħlu fuq is-sit ta’ Spazju Kreattiv u jaqtgħu l-biljetti minn hemm. Jidher ukoll li l-produzzjoni ħa tiġi ffilmjata u wieħed jista’ wkoll jaċċessa mid-dar fil-jiem li ġejjin. 

Facebook/Spazju Kreattiv

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI