Ix-Xahar Ta’ Mejju, Xahar Fejn Fil-Kalendarju Kattoliku Huwa Dedikat Lil Madonna

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Parroċċa San Sebastjan Qormi fakkru lis-segwaċi tagħhom li Mejju huwa xahar dedikat lil Madonna.

Huma qalu, “Hekk kif illum nibdew ix-xahar ta’ Mejju, ix-xahar iddedikat lil Ommna Marija, inħeġġu lil kull familja biex tingħaqad flimkien għat-talba tar-Rużarju – talba sempliċi imma qawwija li twassalna għand Ġesù permezz ta’ Ommna Marija, bla tebgħa mid-dnub u mimlija bil-grazzja.”

Żiedu, “Matul dan ix-xahar jiġu ċċelebrati diversi festi u tifkiriet devozzjonali lil Ommna Marija, fosthom il-festa tal-Madonna tal-Mirakli. Fil-Parroċċa tagħna nsibu pittura antika tal-Madonna tal-Mirakli fil-Knisja ż-Żgħira. Fil-pittura naraw xena popolari ħafna mal-artisti ta’ kull żmien – il-Madonna bit-tfajjel Ġesù Bambin fi ħdanha. Din il-pittura hi xogħol ta’ artist mhux magħruf datata 1595 u hi kkunsidrata bħala l-eqdem artefatt tal-Parroċċa tagħna. Interessanti li din il-pittura ġiet restawrata mill-artist rinomat Giuseppe Calì fl-1881 u riċentement, fl-2008, reġgħu saru interventi ta’ restawr u konservazzjoni fuqha.”

Qalu wkoll, “Ejjew permezz tar-Rużarju nkomplu nħallu tasew lil Marija tressaqna lejn Binha Ġesù u tħarisna minn dak li jista’ jfixxkilna biex fil-familji tagħna nnisslu ambjenti li fihom jispikkaw l-għaqda, il-ferħ u l-paċi.”







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI