Magna Ġdida Tal-Bone Density Fl-Isptar Ġenerali T’Għawdex

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Dipartiment tal-Informazzjoni qasmu mas-segwaċi tagħhom ftit informazzjoni dwar magna ġdida fl-isptar Ġenerali t’Għawdex.

Huma qalu, “Permezz ta’ din il-magna jitwettaq bone density scan biex jitkejjel il-kontenut minerali fl-għadam. Dan l-iscan jipprovdi informazzjoni dwar tnaqqis fil-massa tal-għadam u jgħin fl-assessjar tat-trattament għall-kundizzjoni ta’ osteoporożi. Din tirrendi l-għadam aktar fraġli b’riskju akbar ta’ ksur. L-għan ta’ dan l-investiment hu li jindirizza l-ħtieġa, li dejjem qed tikber, ta’ scans fl-għadam, fejn huwa stmat li se jsiru madwar 1,500 scan fis-sena. Għaldaqstant dan l-investiment se jwassal għal servizzi tal-kura tas-saħħa aktar effiċjenti.”

Żiedu, “Dan is-servizz ġdid li se jingħata permezz tal-magna l-ġdida, ser ikun qed jikkumplimenta għadd ta’ servizzi oħrajn li jingħataw fl-Isptar t’Għawdex fejn minnu, pazjenti Għawdxin qed ikomplu jinqdew f’Għawdex stess. Permezz ta’ dan l-investiment mhux biss qed nipprevjenu li persuna tweġġa’ serjament, imma wkoll qegħdin ninvestu fil-benesseri tal-individwu u nevitaw interventi serji u diżabilità.”







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI