Il-paġna Policy, Politics & Governance At UM sellmet waħda mill-istudenti tagħhom li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Oriana Deguara, omm li sfortunatament għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem wara ġlieda ma’ marda qalila.
Il-paġna tikteb, “L-akkademiċi, l-amministraturi u l-istudenti tad-Dipartiment tal-Istudji Politiċi u l-Governanza jinsabu lkoll sogħbenin għat-telfa ta’ Oriana Deguara, waħda mill-istudenti tagħna fil-kors tal-MA in Public Policy Leadership.”
Huma jkomplu, “Oriana tilfet il-ġlieda għall-ħajja wara marda qalila u kiefra. Hija għamlet seba’ snin tistudja magħna, ħamsa minnhom sakemm gradwat bil-BA (Hons) in Public Management u sentejn oħra għall-Master.”
Huma jispjegaw, “Kien għad fadlilha biss it-teżi li, għalkemm bdietu, ma kellhiex is-saħħa tkomplih u tlestih. Mara li kienet mimlija enerġija u, minkejja li ġarrbet l-imrar tal-ħajja, baqgħet dejjem pożittiva u t-tbissima tagħha kienet iġġib il-ferħ kull fejn tkun.”
Il-paġna ttemm tgħid, “Ġenwina. Sabiħa. Brava. Inħobbuk Oriana. Tibqa’ għal dejjem f’qalbna. Issa ssib il-mistrieħ ta’ dejjem fi ħdan Alla l-Imbierek.”