Claudia Faniello hija waħda mill-aktar vuċijiet distintivi fix-xena mużikali Maltija. B’karriera li testendi fuq diversi snin, hija rnexxielha tmiss il-qlub ta’ ħafna permezz tal-mużika tagħha, il-preżenza awtentika tagħha u l-messaġġi emozzjonanti li twassal fil-kanzunetti tagħha.
Għal dan il-jum speċjali tal-Milied, Gwida kellmit lil Claudia f’intervista esklussiva fejn fetħet qalbha magħna, qasmet riflessjonijiet personali u tkellmet dwar il-mużika, il-fidi u dak li jfisser għaliha l-ispirtu tal-Milied.
Il-Milied huwa żmien ta’ riflessjoni għal ħafna nies. Hemm xi mument jew lezzjoni li tħoss li ħarġet b’saħħitha għalik matul din is-sena li tixtieq tieħu miegħek fil-festi?
Dan il-Milied inħossu partikolari ħafna għalija. L-aħħar sentejn kienu mimlijin tibdil, b’mumenti sbieħ u oħrajn ta’ sfida. Madankollu, wara ħafna riflessjoni u impenn biex nikber bħala persuna, din is-sena qed inħoss li l-ħajja qed titbissimli aktar. Il-lezzjoni ewlenija li ħarġet għalija hija l-importanza li nsibu s-saħħa ġewwiena biex negħlbu l-ostakli. Dan nagħmluh billi nkunu kompassjonali magħna nfusna, u billi jkollna nies madwarna li magħhom nistgħu nkunu vulnerabbli. Fl-aħħar mill-aħħar, l-isbaħ ħaġa li għandna hija l-konnessjoni ġenwina ma’ dawk ta’ madwarna.

Kif tiġġedded l-enerġija tiegħek matul il-vaganzi tal-Milied? Tippreferi ġranet kwieti d-dar jew attivitajiet soċjali mal-familja u l-ħbieb?
Jiena ġejja minn sfond fejn il-festi u t-tradizzjonijiet dejjem kienu jfissru impenn, xogħol u mużika. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin tgħallimt napprezza ħafna aktar il-mumenti ta’ kwalità man-nies li nħobb. Nemmen li l-aqwa rigal li nistgħu nagħtu huwa l-ħin u l-preżenza tagħna, speċjalment f’perjodu li jista’ jġib miegħu kemm ferħ iżda wkoll sens ta’ solitudni jew dieqa għal xi wħud. Għalhekk, nipprova nżomm bilanċ tajjeb: bejn l-impenji tax-xogħol, il-ħin biex nistrieħ waħdi, u l-ħin biex inkun hemm għal dawk ta’ madwari.

Int magħrufa għall-vuċi emozzjonali tiegħek. Hemm xi kanzunetta tal-Milied li tmisslek qalbek aktar minn oħra u li dejjem tiftaħlek memorji?
Biex inkun onesta, m’għandix kanzunetta speċifika li ġġibli memorji mill-passat. Għal żmien twil, il-mużika tal-Milied ma tantx kienet tnissel fija ferħ kbir. Madankollu, illum il-ġurnata l-perspettiva tiegħi qed tinbidel. Qed nibda napprezza l-atmosfera ta’ din il-mużika ħafna aktar u qed insir aktar midħla tagħha, b’sens ġdid ta’ serenità.
Issa li gradwajt il-Milied jġib ċertu perspettiva ġdida għalik dwar il-bilanċ bejn ir-rwol tiegħek bħala artista u dak ta’ terapista?
L-ewwel nett grazzi ħafna tal-awguri. Ir-rwol il-ġdid tiegħi bħala terapista żgur se jlaqqagħni ma’ realtajiet aktar kumplessi f’dan iż-żmien. Filwaqt li l-bilanċ huwa importanti, fil-kuntest tiegħi – kemm bħala professjonista kif ukoll bħala bniedma bl-esperjenzi personali tiegħi – inħoss responsabbiltà akbar. Inħossni fid-dover li nkun aktar konxja tal-isfidi li jġibu l-festi u li nitkellem dwarhom. Nisħaq li għandna nkunu eqreb ta’ dawk ta’ madwarna b’mod ġenwin: billi nistaqsuhom ‘kif inti?’ u verament nistennew ir-risposta, billi nisimgħu b’intenzjoni, u fuq kollox, billi nkunu preżenti għal xulxin.

X’inhi dik ir-riċetta tradizzjonali tal-Milied li għandha post speċjali fuq il-mejda tiegħek kull sena?
Biex inkun onesta, kien biss reċentement li bdejna niċċelebraw il-Milied magħqudin bħala familja. Għal snin twal, dan iż-żmien kien sinonimu max-xogħol u xi drabi anke sfidi personali. Għalhekk, ir-‘riċetta’ speċjali fuq il-mejda tagħna mhijiex xi platt tal-ikel. Ir-riċetta hija l-atmosfera li qed noħolqu: ftit storbju ferrieħi, rakkonti, diskussjonijiet ħajjin u xi logħba flimkien. Għalija, din l-għaqda tiswa ħafna aktar minn kwalunkwe ikla tradizzjonali.
Jekk tħares lejn l-2026, hemm xi proġett jew bidla li tixtieq tibda hekk kif jgħaddi tal-festi?
Onestament, ix-xewqa tiegħi għall-2026 hija li ġġib magħha mumenti sbieħ. Naf li l-isfidi huma parti mill-ħajja, u għalhekk nittama biss li jkolli s-saħħa u r-reżiljenza biex naffaċċjahom. Iżda r-riżoluzzjoni ewlenija tiegħi hija li ngħix aktar fil-preżent. Irrid napprezza kull esperjenza li tiġi, u fuq kollox, impenjata li nieħu ħsieb tiegħi nnifsi bl-istess ġentilezza u dedikazzjoni li biha nieħu ħsieb ħabib.

Facebook / Claudia Faniello