L-Aġent President ta’ Malta Helena Dalli, li kienet il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza fil-Kummissjoni Ewropea bejn l-2019 u l-2024, appellat għal aktar rispett, xjenza u kompassjoni fid-diskussjoni pubblika dwar l-orjentazzjoni sesswali, wara li fil-midja Maltija deher it-terminu “ex-gay”.
F’post li qasmet fuq il-midja soċjali, Dalli qalet li matul il-jum ta’ qabel rat dan it-terminu fuq portals tal-aħbarijiet u osservat ukoll kummenti li fihom kien hemm tgħajjir u mibgħeda, minkejja li, kif sostniet hi, il-kwistjoni għandha titqies fil-kuntest tax-xjenza u l-umanità.
Hija spjegat li l-orjentazzjoni sesswali mhix drawwa li tibda u tieqaf, u lanqas “vizzju” li jitfejjaq, u sostniet li l-assoċjazzjonijiet ewlenin tal-psikoloġija u l-psikjatrija madwar id-dinja jaqblu li l-omosesswalità mhix marda u għalhekk ma teħtieġ l-ebda terapija biex tinbidel.
Dalli qalet ukoll li ma teżisti l-ebda evidenza xjentifika serja li turi li prattiċi ta’ konverżjoni jistgħu jibdlu l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna. Fil-fatt, dawn il-prattiċi ġew ikkundannati minn diversi korpi professjonali u huma wkoll ipprojbiti f’Malta permezz tal-Affirmation of Sexual Orientation, Gender Identity and Gender Expression Act li ddaħħal fl-2016.
Hija rreferiet ukoll għal każ li ġie rrappurtat mill-Times of Malta, li fetaħ diskussjoni dwar dan is-suġġett. Skont Dalli, din id-diskussjoni għandha ssir mhux biex jiġu attakkati individwi, iżda biex wieħed jifhem li esperjenza personali ma tbiddilx il-kunsens xjentifiku dwar il-kwistjoni.
Fl-istess ħin, hija qalet li huwa importanti li l-esperjenzi personali u l-fidi ta’ kull persuna jiġu rispettati, iżda li fl-istess ħin għandha tingħad il-verità b’mod ċar u b’ħniena: li l-orjentazzjoni sesswali mhix xi ħaġa li “tfiq” jew “tinbidel”.
Skont l-Aġent President, li wieħed jgħid mod ieħor jista’ jweġġa’ lil persuni li diġà qed jitħabtu mal-aċċettazzjoni tagħhom infushom. Għalhekk, hija temmet tgħid li l-iktar ħaġa umana li tista’ ssir hi li n-nies jiġu appoġġjati biex jgħixu b’mod awtentiku u sigur, filwaqt li r-rispett, ix-xjenza u l-kompassjoni għandhom jimxu flimkien.
Facebook / Helena Dalli