Sue Rossi żgur li m’għandha bżonn ta’ ebda introduzzjoni. Matul is-snin rajnieha involuta f’diversi proġetti u inizjattivi, dejjem b’enerġija kbira u b’pass mgħaġġel li sar kważi sinonimu mal-personalità tagħha. Hi kienet il-mistiedna ta’ Melanie Kelly fuq Kellymni – Il-Podcast ta’ Gwida.
Matul il-podcast, Sue tirrakkonta storja li ftit jafu dwarha – il-ġurnata meta welldet lil bintha Valentina kmieni filgħodu. Minkejja l-mument tant importanti u emozzjonanti, sa filgħaxija stess kienet diġà marret għal spettaklu li kienet qed torganizza hi stess, spettaklu li kien ilu ppjanat sena sħiħa. Dan juri kemm dejjem kienet persuna determinata li tlaħħaq ma’ kollox, anke f’mumenti li għal ħafna jkunu kompletament iddedikati għall-familja.
Sue titkellem ukoll dwar kapitlu ġdid f’ħajjitha, dak ta’ nanna. Tirrakkonta kif qed tgħix dan l-irwol b’emozzjoni kbira u kif il-familja dejjem kienet fil-qalba tal-ħajja tagħha, minkejja r-ritmu mgħaġġel li dejjem għexet bih.
F’din il-konversazzjoni sinċiera, Sue Rossi tiftaħ qalbha dwar diversi esperejenzi f’ħajjitha, esperjenzi mimlija xogħol, organizzazzjoni, u sfidi kontinwi u kif dejjem sabet mod biex tlaħħaq ma’ kollox. Ingħaqdu magħna biex isegwu l-episodju li jmiss ta’ Kellymni – Il-Podcast ta’ Gwida.mt bi preżentazzjoni ta’ Melanie Kelly.