Dan id-dibattitu Parlamentari jitratta abbozz ta’ liġi mressaq mill-Gvern sabiex il-Konvenzjoni Nru 190 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), dwar il-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol, tiġi rikonoxxuta wkoll fil-liġi Maltija.
Permezz ta’ dan l-abbozz, kull ħaddiem ser ikollu d-dritt li jaħdem f’ambjent ta’ xogħol ħieles mill-vjolenza u l-fastidju, inkluż vjolenza u fastidju bbażata fuq il-ġeneru tal-persuna.
Persuna impjegata fuq post tax-xogħol; interns, trainees, apprendisti, irrelevanti jekk xogħolhom huwiex regolat b’kuntratt, jew jekk il-persuna hix titħallas jew le; persuna li l-impjieg tagħha ġie terminat; voluntier, u ċioè persuna li tipprovdi servizzi mhux bi ħlas permezz ta’ organizzazzjoni volontarja jew għaliha, anke meta x-xogħol jew servizz ma’ jkunux regolati minn kuntratt speċifiku ta’ servizz; impjegat prospettiv, kemm jekk qed ifittex impjieg, applikant għal impjieg jew kandidat għal impjieg.

Kwalunkwe imġiba, prattiċi u ommissjonijiet inaċċettabbli jew theddid li jimmirraw jew jirriżultaw fi ħsara jew tbatija fiżika, psikoloġika, sesswali jew ekonomika.
Dawn l-atti jinkludu wkoll jekk il-vjolenza u/jew il-fastidju jkunu abbażi tal-ġeneru, jiġifieri l-fastidju jew vjolenza fuq il-persuna jkunu minħabba s-sess jew il-ġeneru tagħha.
L-ebda prinċipal jew impjegat ma jista’ jwettaq dawn l-azzjonijiet ma’ kwalunkwe impjegat ieħor jew prinċipal, fl-ebda forma, inkluż imma mhux limitat għal: talbiet, kondotta, imġiba, interazzjoni- kemm jekk fiżiċi, remote, online, verbalment, bil-miktub, bi stampi jew kwalunkwe mod ieħor.

Dawn l-azzjonijiet ser ikunu pprojbiti kemm jekk iseħħu darba jew repetutament.
Il-pieni għal min jinstab ħati li kiser din il-liġi tax-xogħol, ser ikunu skont kif ġej:
- piena ta’ priġunerija bejn 6 xhur u sentejn; jew
- multa bejn €5,000 u €10,000;
- multa u priġunerija flimkien
Dawn l-emendi ser ikomplu jsaħħu l-protezzjoni tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol sabiex inkomplu noħolqu ambjent ta’ xogħol aktar sigur u protett mill-fastidju u l-vjolenza.