Aktar Minn 110 Kanzunetta Oriġinali U 100 Klassika – Is-Sitt Edizzjoni Ta’ Mużika Mużika

Il-ġimgħa d-dieħla Malta terġa’ tgħix waħda mill-aktar ġimgħat mistennija għall-mużika Maltija hekk kif Mużika Mużika jirritorna għas-sitt edizzjoni tiegħu. Il-festival, li fi żmien relattivament qasir sar appunt li jġib flimkien artisti, kompożituri u dilettanti tal-kanzunetta Maltija, se jerġa’ jpoġġi fil-qalba tiegħu l-mużika oriġinali bil-lingwa Maltija.

Is-serata tal-klassiċi, serata li tul is-snin saret waħda mill-aktar mumenti mistennija tal-festival, tant li kienet waħda mis-serati li marret sold out. B’din l-edizzjoni se jkunu ġew interpretati aktar minn 100 kanzunetta klassika Maltija, kollha b’arranġamenti ġodda u b’interpretazzjonijiet minn artisti differenti li jagħtu ħajja ġdida lil repertorju mużikali li għamel ħoss fil-pajjiż.



Imma l-festival ma jiċċelebrax biss il-passat. Fil-fatt, matul is-sitt edizzjonijiet tiegħu, Mużika Mużika se jkun ippreżenta aktar minn 110 kanzunetta oriġinali. Dan juri kemm il-festival sar pjattaforma importanti għall-kompożituri, awturi u kantanti Maltin biex joħolqu u jintroduċu mużika ġdida lill-pubbliku.



Is-suċċess tal-festival jidher ukoll fl-interess kbir li jqajjem kull sena. L-edizzjoni tas-sena li għaddiet laħqet aktar minn 390,000 telespettatur, numru li juri kemm il-Maltin qed iħaddnu dan il-festival. Din is-sena l-interess jidher li se jkun saħansitra akbar hekk kif kważi l-istazzjonijiet kollha tat-televiżjoni se jxandru s-serata, sinjal ċar tal-importanza li kiseb dan l-avveniment fil-kalendarju kulturali Malti.



Tul il-ħames edizzjonijiet li għaddew rajna wkoll kanzunetti li baqgħu mfakkra. L-ewwel edizzjoni rat lil Glen Vella jirbaħ b’Ħarsa Biss, kanzunetta miktuba minn Joe Julian Farrugia u b’kompożizzjoni minn Philip Vella. Kanzunetta li ltqajna magħha f’ħafna tiġijiet lokali.

Fit-tieni edizzjoni, Kurt Calleja trijonfa b’Bla Tarf, kanzunetta li kiteb hu stess flimkien ma’ Peter Borg u Aleandro Spiteri Monseigneur li għenuh fil-kompożizzjoni. Kanzunetta oħra li għamlet ħoss qawwi waqt it-tiġijiet u tat dominju għall-kanzunetti ta’ mħabba f’dan il-festival.

It-tielet edizzjoni kienet mirbuħa minn Gianluca Bezzina bil-kanzunetta Sabiħa, miktuba minn Joe Julian Farrugia u b’kompożizzjoni minn Philip Vella. Din ir-rebħa kienet partikolarment sinifikanti għax b’mod koinċidentali it-tliet artisti li rrappreżentaw lil Malta fil-Eurovision fl-2011, fl-2012 u fl-2013 rebħu Mużika Mużika għaxar snin wara. It-tlieta li huma kellhom kanzunetta ta’ mħabba.

Fir-raba’ edizzjoni, Maxine Pace saret l-ewwel u s’issa l-unika mara li rebħet Mużika Mużika bis-silta Mhux tal-Aħħar. L-ewwel darba li rebħet kanzunetta li ma kinitx kanzunetta ta’ mħabba, iżda waħda emozzjonanti ddedikata lil ommha li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Il-kanzunetta kienet kompożizzjoni ta’ Cyprian Cassar u kliem ta’ Emil Calleja Bayliss.

Fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet, Jamie Cardona ħareġ rebbieħ wara tellieqa mill-qrib ma’ Brooke Borg, Pamela Bezzina u Lisa Gauci. Huwa rebaħ bil-kanzunetta Stajna Konna Aħna, li ħadem fuqha flimkien ma’ Aleandro Spiteri Monseigneur u Shaun Farrugia.

Issa, hekk kif il-festival jersaq lejn is-sitt edizzjoni tiegħu, Mużika Mużika se jerġa’ jġib fuq l-istess palk l-aqwa talent Malti u se jkompli jikteb kapitlu ġdid fl-istorja tal-kanzunetta Maltija. Il-ġimgħa li ġejja għalhekk mistennija tkun waħda mimlija mużika, nostalġija u kanzunetti ġodda li forsi wkoll se jsiru klassiċi fil-futur.

Ritratti:

Facebook / Muzika Muzika

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI