Mikayla Tniedi “Wiċċ Ta’ Grazzja” – Kanzunetta Personali Ddedikata Lil Ommha

Il-kantanta Għawdxija Mikayla Bajada, magħrufa artistikament bħala Mikayla, ħarġet l-aħħar kanzunetta tagħha bil-Malti, Wiċċ Ta’ Grazzja, li diġà qed tolqot il-qlub ta’ ħafna.

Il-kanzunetta, li ġiet rilaxxata fil-31 ta’ Marzu 2026, inkitbet mill-kantanta stess flimkien ma’ Julie Pomorski, u hija waħda mill-aktar xogħlijiet personali li qatt ippreżentat. Fil-kliem tagħha stess, Mikayla spjegat kemm din il-produzzjoni għandha tifsira profonda, “Din il-kanzunetta hija personali ħafna għalija. Dedikata lil ommi… anke waqt li qed nikteb dan inħoss ċertu ansjetà għax ma nistax nemmen li fl-aħħar irnexxieli noħroġha.”



Wiċċ Ta’ Grazzja tmiss temi sensittivi relatati ma’ tbatija emozzjonali u mentali, speċjalment għal dawk li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli minħabba nies ta’ madwarhom. Il-messaġġ tagħha huwa wieħed ta’ vulnerabbiltà iżda wkoll ta’ kuraġġ, li tesprimi dak li ħafna drabi jibqa’ moħbi ġewwa fina.



Għalkemm illum qed tgawdi suċċess bħala kantanta, il-vjaġġ ta’ Mikayla beda minn età żgħira. Minn meta kienet tifla, kienet diġà turi passjoni kbira għall-mużika u l-ispettaklu, bil-parteċipazzjoni tagħha f’kunċerti, musicals u kompetizzjonijiet. Wieħed mill-aktar mumenti memorabbli fil-karriera tagħha kien meta, flimkien ma’ Francesca Sciberras, rebħet il-Malta Junior Eurosong Contest 2009 bil-kanzunetta Double Trouble, li wasslitha biex tirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest.

Wara snin ta’ esperjenza u anke waqfa biex tiffoka fuq il-karriera tagħha, Mikayla reġgħet lura fix-xena mużikali b’aktar maturità u direzzjoni ċara. Fl-2023 ħarġet l-ewwel kanzunetta oriġinali tagħha One Day (For Real), segwita minn blue-eyed angel fl-2024, kanzunetta emozzjonali ddedikata lil ħabiba tagħha li mietet meta kienu żgħar.

Issa, b’Wiċċ Ta’ Grazzja, Mikayla qed tkompli tiftaħ qalbha mal-pubbliku permezz tal-mużika tagħha, u toffri xogħol li mhux biss jinstema’, iżda jinħass. Kanzunetta li bla dubju se tolqot lil ħafna u li tkompli tikkonferma l-awtentiċità tagħha bħala artista Maltija



Ritratti:

Facebook / Mikayla

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI