Taħriġ U Korsijiet Speċjalizzati Biex Jgħinu Lill-Membri Tal-Kunsilli Lokali

Civelli

Il-membri eletti u l-impjegati tal-Kunsilli Lokali, bdew jirċievu taħriġ speċjalizzat li għandu l-għan li jgħinhom fix-xogħol tagħhom.

Dan it-taħriġ beda s-sena l-oħra wara li ġiet imnedija l-Istrateġija Nazzjonali għat-Taħriġ fis-Settur tal-Gvern Lokali, u l-Erbgħa filgħodu ngħataw l-ewwel ċertifikati lil minn temm it-taħriġ rispettiv.

Dan it-taħriġ qed jingħata permezz ta’ Fondi Ewropej mill-Fond Soċjali Ewropej. Il-programm ta’ taħriġ qed jitmexxa mill-Kunsill Nazzjonali għat-Taħriġ fil-qasam tal-Gvern Lokali, u li hu magħmul mill-Istitut tas-Servizz Pubbliku, id-Direttorat tal-Gvern Lokali, l-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali, u mill-Assoċjazzjoni tas Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali.

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li dan it-taħriġ, kofinanzjat mill-Fondi Ewropej, huwa investiment dirett fil-komunitajiet tagħna permezz tat-tisħiħ tar riżorsi umani fil-Gvern Lokali.

Huwa spjega li l-proġett għandu valur totali ta’ madwar €600,000, li minnhom madwar €530,000 huma ffinanzjati minn Fondi Ewropej, u dan juri l-impenn konkret lejn it-titjib tas-servizzi fil livell lokali.

Huwa saħaq li kull opportunità ta’ taħriġ u żvilupp tikkontribwixxi għal servizz aktar b’saħħtu, professjonali u effiċjenti għaċ-ċittadini.

Il-Ministru rrimarka wkoll li dan il-proġett qed iwessa’ l-esperjenza tal-kunsilliera u l-impjegati permezz ta’ taħriġ, żjarat ta’ studju u esperjenzi prattiċi kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta, biex il-Kunsilli Lokali jibqgħu jissaħħu fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum.

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet kif dan huwa mod konkret kif il-Gvern qed jirrikonoxxi l-importanza tar-riżors uman fil-Kunsilli Lokali u Reġjonali. Qalet kif l investiment fir-riżors uman huwa Importanti sabiex ikun hemm ħaddiema mħarrġa li jpoġġu liċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-ħidma.

“Impjieg fil-Kunsilli Lokali sar karriera u għalhekk dawn il-korsijiet se jkunu qed isaħħu l-pożizzjoni tal ħaddiema u l-kunsilliera.Dan l-eżerċizzju huwa mezz ieħor kif inħajru aktar nies mill-komunitajiet tagħna jissoktaw karriera fil-Gvern Lokali. Il-ħaddiema dejjem kienu għal qalb dan il-Gvern u allura l-investiment li aħna nagħmlu fil-ħaddiema nagħmluh b’apprezzament lejn l-istess ħaddiem li ta’ kuljum jagħti servizz liċ ċittadin. Fil-fatt it-tisħiħ tal-kompetenzi tar-riżors uman jgħinu lill-uffiċjali fil-Kunsilli jipprovdu servizz aħjar, iktar professjonali u effiċjenti lill-komunitajiet tagħna,” qalet is-Segretarju Parlamentari.

Is-Segretarju Parlamentari temmet tgħid li dan jallinja wkoll mal-Viżjoni Malta 2050, fejn permezz ta’ din l-inizjattiva qed twassal għal ħaddiema mħarrġa u b’ħiliet li huma rilevanti għall-bżonnijiet tas-soċjetà.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI