Gollcher Group qed jorganizza mixja ta’ karità speċjali li se ssir favur Dr Klown, organizzazzjoni volontarja li tagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ tfal li jinsabu l-isptar. Din il-mixja, li se ssir nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Mejju 2026, għandha distanza ta’ ftit aktar minn 5 kilometri u tibda minn Tigullio f’San Ġiljan sal-Black Pearl f’Ta’ Xbiex.
Ir-reġistrazzjoni tibda mit-8:15, b’ħlas ta’ €8 għal kull persuna, u l-avveniment huwa miftuħ għal kulħadd. Il-parteċipanti huma mħeġġa jilbsu abjad bħala parti mid-dress code tal-ġurnata. Dr Klown hija NGO professjonali li tipprovdi servizz uniku ta’ “clown doctors” fl-Mater Dei Hospital.

Dawn il-voluntiera, li ġejjin minn kull qasam tal-ħajja, iżuru tfal fl-isptar jew joqogħdu magħhom waqt li jkunu qed jirċievu kura. Permezz tad-daħk, il-logħob u l-ispontanjetà, dawn il-“clown doctors” iġibu ftit ferħ u serħan il-moħħ f’mumenti diffiċli kemm għat-tfal kif ukoll għall-familji tagħhom.
Wara l-mixja, se jkun hemm ukoll servizz ta’ trasport lura lejn Tigullio, li se jingħata fuq bażi ta’ “first come, first served”. Din hija opportunità sabiħa biex wieħed mhux biss jagħmel ftit eżerċizzju, iżda wkoll jagħti kontribut għal kawża li tassew tagħmel differenza. Kull pass jgħodd, u flimkien nistgħu ngħinu biex inġibu tbissima fuq wiċċ dawk li għandhom l-aktar bżonnha. Pass pass, nistgħu nagħmlu differenza!
Facebook / Dr. Klown