Il-Valur Tal-Homework Ma Jinsabx Fil-Kwantità Tax-Xogħol Mogħti, Imma Fil-Kwalità U Fl-Iskop Tiegħu – DOI

Xoghol tad-dar

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima jitkellem dwar il-Politika Nazzjonali ġdida fejn ix-xogħol tad-dar se jkun strutturat b’tali mod li jnaqqas l-istress għat-tfal.

Jissemmew erba’ tipi ta’ homework: il-Prattika, l-Esplorazzjoni, l-Applikazzjoni, u l-Integrazzjoni. Ix-xogħol tad-dar se jiġi adattat skont l-età tat-tfal.

Kindergarten mhux se jkollhom homework tal-kitba imma attivitajiet li jkunu bbażati fuq logħob u esperjenzi informali. Fl-ewwel snin, il-homework jiġi introdott gradwalment biex jibni kunfidenza u ħiliet bażiċi.

Fil-Junior Years se jingħata xogħol ta’ investigazzjoni u kreattività, u fil-klassijiet Medji u Sekondarji, l-għalliema se jikkordinaw bejniethom biex l-istudenti ma jkollomx eċċess ta’ kompiti jew mingħajr bżonn.

Din il-politika, riżultat ta’ djalogu estensiv mal-edukaturi, l-istudenti, il-ġenituri u partijiet interessati, tħeġġeġ l-indipendenza tat-tfal, flimkien ma’ appoġġ mill-iskola u mill-ġenituri, biex kull student ikollu aċċess ugwali għall-opportunitajiet tat-tagħlim.

Dan se jiġi rrivedut kull erba’ snin biex ikun żgurat li l-homework jibqa’ utli, interessanti u aċċessibbli għal kulħadd.

Ir-riċerka u l-esperjenza wrew li l-valur tal-homework ma jinsabx fil-kwantità tax-xogħol mogħti, imma fil-kwalità u fl-iskop tiegħu.

Din il-politika, għalhekk, għandha l-għan li tittrasforma l-homework minn kompitu ta’ rutina f’estensjoni sinifikanti tat-tagħlim fil-klassi – waħda li tappoġġja l-kurżità, issaħħaħ il-fehim u tħeġġeġ lill-istudenti jieħdu aktar responsabbiltà fil-vjaġġ tagħhom ta’ tagħlim.

Il-Ministru Grima qal li l-istudenti għandhom jiġu appoġġjati biex jiżviluppaw l-indipendenza u l-awtoregolazzjoni filwaqt li l-edukaturi għandhom jiġu fdati u mogħtija s-setgħa biex jiddisinjaw esperjenzi ta’ tagħlim b’għan ċar.

Importanti wkoll il-familji tal-istudenti li għandhom jiġu involuti bħala sħab importanti, f’ambjent ta’ tagħlim bilanċjat u ta’ appoġġ.

Billi jkunu allinjati l-aspettattivi mal-bżonnijiet ta’ żvilupp tal-istudenti u bil-forom varji ta’ homework, qed jiġi żgurat li t-tagħlim lil hinn mill-klassi jibqa’ wkoll eċitanti u rilevanti.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI