“Illum Infakkru L-120 Sena Mit-Twelid Tal-Prof. George Borg, L-Iskultur Tal-Vara Titulari Ta’ San Sebastjan Martri” – Il-Parroċċa San Sebastjan, Qormi

Illum infakkru l-120 sena mit-twelid tal-Professur George Borg, meqjus bħala wieħed mill-aktar skulturi distinti Maltin tas-seklu 20 u magħruf b’mod partikolari għall-vara titulari ta’ San Sebastjan Martri.

Imwieled Valletta fit-22 ta’ April 1906, Borg kien l-ikbar fost ħames aħwa u kellu tfulija diffiċli wara l-mewt ta’ missieru meta kien għadu żgħir. Minkejja dan, wera talent artistiku kmieni u beda jistudja taħt Giuseppe Duca u Antonio Micallef, qabel kompla l-istudji tiegħu fl-Iskola tal-Arti tal-Gvern.

Fl-1930 kiseb borża ta’ studju biex jistudja f’Ruma fir-Regia Accademia di Belle Arti taħt il-gwida ta’ Angelo Zanelli, fejn kiseb diploma fl-iskultura u anke nħatar Assistent Professur. Meta rritorna Malta, iddedika ħajtu għat-tagħlim u fl-1948 inħatar Master of Sculpture, kariga li żamm sal-irtirar tiegħu fl-1971.



Il-kapulavur tiegħu jibqa’ l-vara titulari ta’ San Sebastjan, li nħadmet wara li ntgħażel il-buzzett tiegħu fuq inizjattiva tal-Kappillan Dun Alwiġ Psaila. Il-vara tlestiet fl-1938 u ġiet milqugħa b’ammirazzjoni kbira mill-pubbliku u mill-istampa.



Borg kien ukoll wara d-disinn tal-ewwel vara ta’ Kristu Rxoxt fl-1937, maħduma mill-artist Karmenu Galea taħt id-direzzjoni tiegħu. Bħala artist, kien magħruf għall-ħila tiegħu fil-forma umana b’stil neo-klassiku u influwenzi moderni.

Fost xogħlijiet oħra tiegħu nsibu l-bust tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila u diversi opri madwar Malta u Għawdex. Il-Prof. George Borg miet fl-1983 fl-età ta’ 77 sena, iżda l-wirt artistiku tiegħu jibqa’ jgħix u jkompli jispira sal-lum.



Ritratti:

Facebook / Parroċċa San Sebastjan – St Sebastian Parish – Qormi

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI