Aktar minn 500 pirotekniku, flimkien ma’ diversi ħaddiema oħra, bħalissa qed jaħdmu bla waqfien biex jitlestew l-aħħar preparazzjonijiet għall-aħħar żewġ wirjiet tal-25 edizzjoni tal-Malta International Fireworks Festival.
Dawn se jsiru nhar is-Sibt 25 ta’ April u l-finali kbira nhar il-Ħamis 30 ta’ April fil-Port il-Kbir, li se tagħlaq xahar sħiħ ta’ wirjiet li saru f’Għawdex u l-Belt Valletta.

Waqt żjara f’sit tat-tluq fil-Kalkara, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għat-Turiżmu Ian Borg, flimkien maċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, Charles Mangion u Carlo Micallef, iltaqgħu ma’ xi wħud mit-timijiet involuti fil-preparamenti.
Din l-edizzjoni hija waħda speċjali hekk kif timmarka 25 sena ta’ dan il-festival li jgħaqqad it-tradizzjoni Maltija mal-innovazzjoni, u li kull sena jiġbed eluf ta’ spettaturi kemm Maltin kif ukoll turisti.

Din is-sena raw ukoll żieda fil-parteċipazzjoni internazzjonali, b’timijiet minn diversi pajjiżi, inkluż kumpanija Kanadiża li pparteċipat għall-ewwel darba. B’kollox, madwar 40 fabbrika tan-nar u għaqdiet ħadu sehem fil-programm.
Il-finali se tinkludi taħlita ta’ wirjiet piro-mużikali u nar tradizzjonali Malti, filwaqt li matulha jitħabbru wkoll ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni ta’ din is-sena.

L-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi għal dawn l-aħħar wirjiet u jsegwi l-aġġornamenti fuq il-midja soċjali uffiċjali tal-festival.