Tħabbret il-mewt ta’ Mary Grech, waħda mill-pijunieri tax-xandir f’Malta u fost l-ewwel uċuħ fuq il-Malta Television meta beda x-xandir fl-1962. Kellha 88 sena.
Hi bdiet il-karriera artistika tagħha minn età żgħira u aktar tard daħlet fid-dinja tat-televiżjoni wara li ġiet magħżula minn eluf ta’ applikanti, fejn saret waħda mill-ewwel announcers. Tul is-snin ħadmet bħala continuity announcer, qrat l-aħbarijiet u kienet involuta f’rapporti mill-Parlament.
Barra t-televiżjoni, Grech kellha karriera wkoll fir-radju u fit-teatru, kif ukoll esperjenzi internazzjonali. Bħala attriċi dehret f’diversi produzzjonijiet popolari u kienet magħrufa għall-versatilità u l-vuċi distintiva tagħha.
Matul il-karriera tagħha ppreżentat ukoll diversi programmi u serati, u kienet apprezzata għall-mod naturali u umli tagħha mal-pubbliku. Hija stess kienet tiddeskrivi s-snin tagħha fix-xandir bħala wieħed mill-isbaħ perjodi ta’ ħajjitha.
Fil-ħajja personali tagħha, kienet miżżewġa lil Victor Grech u kellhom żewġ ulied. Hija tibqa’ mfakkra bħala figura ewlenija u rispettata li tat kontribut importanti lill-istorja tax-xandir Malti.