Minn Malta Għal Pajjiżi Oħra: Il-Vjaġġ Artistiku Ta’ Kacey Wadge

Il-ħolma ta’ ħafna tibda b’pass żgħir,iżda għal Kacey Wadge, dak il-pass wassalha lil hinn minn xtut Malta, direttament fil-qalba tad-dinja tal-Musical Theatre f’Londra. Illum, il-vjaġġ tagħha mhuwiex biss storja ta’ talent, iżda ta’ kuraġġ, sagrifiċċju u determinazzjoni.

Sa minn età żgħira, Kacey kienet mdawra bil-mużika u t-teatru, grazzi għall-familja tagħha li dejjem kienet involuta f’din ix-xena artistika. Il-passjoni tagħha bdiet tiżviluppa tul it-tfulija permezz tal-istudju tal-flawt, żfin bħal flamenco, jazz u ballet. Iżda kien waqt l-esperjenzi tagħha fl-Ingilterra, meta kienet għadha fl-iskola sekondarja, li tassew infetħet quddiemha dinja ġdida, dik tal-Musical Theatre fuq livel internazzjonali.

Ta’ 15-il sena biss, rebħet l-‘Outstanding Singer Award’ mogħti minn Stagecoach Talent Agency fl-Ingilterra . Ftit wara, ġiet aċċettata fl-Emil Dale Academy, wieħed mill-aqwa kulleġġi f’dan il-qasam. Kienet deċiżjoni kbira, speċjalment meta kellha biss 16-il sena u kellha titlaq minn pajjiżha u mill-familja tagħha biex tibda ħajja ġdida barra.

Madankollu, il-vjaġġ ma kienx mingħajr sfidi. L-akbar waħda waslet matul il-pandemija tal-COVID-19, meta l-ivvjaġġar sar kważi impossibbli u Kacey kellha tqatta’ perjodu twil ‘il bogħod minn dawk li tħobb. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ lezzjonijiet wiċċ imb wiċċ affettwa l-esperjenza tagħha f’qasam li jiddependi ħafna fuq il-preżenza u l-interazzjoni diretta.

Il-ħajja barra minn Malta ġabet magħha wkoll sens ta’ distakk, mhux biss ġeografiku, iżda emozzjonali. Kacey tiddeskrivi sens ta’ “bejn żewġ dinjiet”, fejn xi kultant tħossok maqtugħ kemm minn Malta kif ukoll mill-Ingilterra. Minkejja dan, hija sabet mod kif dan il-kunflitt jarrikkixxi l-espressjoni artistika tagħha, u jagħtiha profondità ġdida.

Wara s-Sixth Form, kompliet l-istudji tagħha fil-Guilford School of Acting fejn speċjalizzat bħala Actor-Musician. Wara li ggradwat, kisbet l-ewwel xogħol professjonali tagħha fuq cruise liner, esperjenza li fetħitilha bibien ġodda iżda li ġabet magħha wkoll sfidi ta’ solitudni u rutina differenti.

Illum, Kacey qed tkompli ttejjeb il-ħiliet tagħha permezz ta’ Masters fil-Musical Theatre fil-Royal Academy of Music f’Londra, opportunità li setgħet tikseb ukoll grazzi għall-appoġġ ta’ Malta Arts Scholarships. Matul is-snin, hija kellha l-opportunità tkanta u tieħu sehem f’diversi produzzjonijiet f’postijiet prestiġjużi bħall-Curve Theatre, il-V&A Museum u teatri rinomati f’Londra bħal The Other Palace, Royal Drury Lane u Shaftesbury Theatre.

Minkejja s-suċċessi tagħha barra, Malta tibqa’ qrib qalbha. Tistqarr li tħoss nostalġija kbira għall-kultura Maltija, ix-xemx, il-baħar u, ovvjament, l-ikel tad-dar tan-nanniet. Dawn il-konnessjonijiet huma parti essenzjali minn min hi — u minn dak li toħloq artistikament.

Il-messaġġ tagħha għaż-żgħażagħ Maltin huwa ċar u realistiku: il-passjoni waħedha mhix biżżejjed, trid dedikazzjoni u sagrifiċċju. “Xejn ma jiġi mingħajr prezz.”







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI